Aġenzija oħra tal-klassifikazzjoni tal-kreditu bidlet l-analiżi tagħha dwar pajjiżna għall-aħjar. Fil-fatt, l-aġenzija DBRS bidlet il-ħarsa dwar pajjiżna minn waħda stabbli għal pożittiva filwaqt li żammet lil Malta fil-kategorija A.
Dan isegwi t-titjib fir-rating ta’ Malta li sar minn Standard and Poor’s u Fitch Ratings. Din l-aħħar waħda minn sensiela ta’ bidliet tirrefletti t-titjib sostanzjali li seħħ fil-finanzi pubbliċi. L-esperti tad-DBRS irrimarkaw li l-piż tad-dejn nazzjonali naqas taħt is-60% tal-ġid nazzjonali u huwa ferm anqas mir-rekord negattiv li kien inkiseb qabel il-bidla fl-amministrazzjoni lura fl-2013.
Skont DBRS “following a fiscal consolidation process since 2013, Malta’s fiscal outturns came in better than expected in 2016”. Ma naqsitx l-anqas ir-referenza għall-ekonomija li qed tikber b’rata mgħaġġla u kif din mistennija żżomm ir-ritmu fi żmien li ġej.