Kunsillieri u tesserati tal-Partit Nazzjonalista qegħdin jaħsbuha jħassrux il-vot. Fil-fatt kandidati għat-tmexxija qed jispiċċaw jagħmlu laqgħat fejn l-ewwel li jridu jikkonvinċu hu lit-tesserat biex jivvota. Id-dettalji mill-kurituri tad-Dar Ċentrali f’dan is-servizz.
Bil-kampanja tal-kandidati bdiet dieħla fl-aħħar fażi tagħha tidher bħala l-iktar possibbiltà remota dik li wara s-sittax ta’ Settembru l-Partit Nazzjonalista ma jkollux kap ġdid.
Iżda, hemm nies fil-partit li ma qatgħux qalbhom minn din il-possibbiltà u qed jissoktaw bil-manuvri biex jisfurzaw elezzjoni oħra.
Din il-possibbiltà ssemmiet iktar minn darba fejn anke pubblikament saru dikjarazzjonijiet li ħadd mill-erba’ kandidati m’għandu l-istoffa li jmexxi l-partit fuq il-livell li Joseph Muscat bidel u mexxa l-Partit Laburista.
Dawk il-kunsilieri u tesserati li baqgħu jaħsbuha l-istess diġa qed jiddikjaraw li se jħassru l-vot u qed iħeġġu oħrajn jagħmlu bħalhom. Għax jekk fit-tieni rawnd ħadd ma jġib is-sitta u sittin fil-mija tal-voti tat-tessrati ssir elezzjoni oħra.
Għal bidu dan kien pjan maħsub bil-għan li jerġa’ jidħol fit-tellieqa Simon Busuttil. Fil-fatt kien hu li ried din ir-regola meta l-eżekuttiv approva r-regoli għal-elezzjoni ta’ kap.
Iżda issa hemm min qed jgħid li lil hinn minn hekk pass bħal dan iwassal għar-realizzazzjoni li hemm bżonn xi ħadd iktar b’saħħtu u li jappella mill-erba’ kandidati li tefgħu isimhom.
Dan jekk il-Partit Nazzjonalista jrid juri li tassew inbidel.