Godfrey Farrugia kkonferma permezz ta’ messaġġ fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook li hu m’għandu ebda ħsieb li jikkontesta għall-elezzjoni għat-tmexxija tal-Partit Demokratiku.
Dan wara li s-sieħba tiegħu Marlene Farrugia niżlet minn din il-kariga u l-kandidat Antony Farrugia qal li jekk Farrugia jikkontesta, se jkun qed jagħmel disservizz.
Fuq Facebook Farrugia kiteb li hu jinsab idditerminat biex jaqdi lill-pajjiż permezz tal-Partit Demokratiku fil-Parlament. “Fejn f’dan l-istadju, minix interessat li nikkontesta għall-Kap tal-partit,” fejn kompla billi qal li jemmen li hemm persuni oħra li huma kapaċi għal dak l-irwol.
Aktar Qabel: Il-qiegħa mhux biss qed tisħon fil-Partit Nazzjonalista iżda anki fil-Partit Demokratiku.
Dan bl-aħħar kummenti li Anthony Buttigieg ta lit-Times li l-Ħamis ħabbar li se jikkontesta għal kap tal-Partit Demokratiku.
F’kumment ċar biex iwassal messaġġ lejn il-koppja Marlene u Godfrey Farrugia, Anthony Buttigieg saħaq li jekk Godfrey Farrugia jipprova jilħaq Kap tal-Partit Demokratiku dan ikun diservizz lejn il-fundaturi tal-partit innifsu.
Buttigieg spjega li l-affarijiet ma jidhrux sew kemm il-darba l-ewwel ikollok lil Marlene Farrugia bħala Kap tal-Partit Demokratiku imbagħad is-sieħeb tagħha jilħaq kap warajha.
Sa issa Godfrey Farrugia qed iħalli l-bieb miftuħ u jikkunsidra joħroġx għal Kap tal-Partit Demokratiku.
Dan minkejja li f’kummenti li ta lil dan l-istazzjon aktar kmieni, ma jafx kemm hemm membri eliġibbli biex jivvutaw għal Kap tal-Partit Demokratiku li skont kummenti ta’ Marlene Farrugia fuq facebook mistenni jinħatar f’Ottubru li ġej.
Skont Marlene Farrugia il-Kap tal-Partit Demokratiku se jinħatar minn dawk li jattendu għal get-togethers li torganizza hi fi propjetajiet tal-koppja Farrugia.