Wara li l-Erbgħa filgħaxija nstab katavru fil-baħar ta’ San Ġiljan għad m’hemm l-ebda konferma definittiva li dan huwa tal-Franċiż rrapurtat nieqes sa mis-Sibt li għadda.
Minkejja dan teżisti indikazzjoni li aktarx ir-raġel misjub mejjet fil-baħar huwa ż-żagħżugħ Franċiż li ntilef wara li sbieħ is-Sibt qabeż il-baħar minn fuq dgħajsa tad-divertiment.
Sorsi fil-Forzi Armati ta’ Malta żvelaw l-ewwel lil ONE News li t-tfittxija għaż-żagħżugħ Franċiż li ġie rapurtat nieqes waqfet ħesrem wara s-sejba tal-katavru.
L-awtopsja li saret illum kompliet tagħti indikazzjoni li aktarx il-katavru misjub mil ‘il bogħod minn Portomaso kien tal-ġuvni ta’ dsatax-il sena iżda jidher li għad hemm bżonn test tad-DNA.
Dan mistenni jsir għada u jiddetermina l-identità.
Dwar is-sejba ta’ katavru fil-baħar infetħet inkjesta Maġisterjali li qed titmexxa mill-Maġistrat Josette Demicoli.