Raġel ta’ 32 sena residenti l-Imġarr, tressaq il-Qorti akkużat b’attentat ta’ qtil fuq il-mara tiegħu u kif ukoll li kkaġunalha ġrieħi gravi. Tant li bid-daqqa li taha l-milsa waqfet taħdem għax infaqgħet.
Il-każ, li seħħ jumejn ilu, seħħ fir-residenza tal-familja tal-akkużat, f’Ħad-Dingli fejn il-Qorti semgħet kif il-mara marret l-Għassa tal-Pulizija tirrapporta li r-raġel tagħha taha daqqa ta’ ponn f’wiċċha u saħansitra daqqa ta’ sieq fl-istonku tagħha – dan għax ma lestitlux l-ikel għax-xogħol.
Fil-Qorti ntqal kif il-Pulizija minn hemm bagħtet lill-mara l-poliklinika fejn ittieħdet minnufih l-isptar Mater Dei.
Għall-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu, l-akkużat wieġeb mhux ħati. Il-Pulizija qal li bid-daqqa li qalgħet, il-mara infaqgħetilha l-milsa u għamlet seba’ sigħat fil-periklu tal-mewt.
Bħalissa l-mara tinsab fit-Taqsima tal-Kura Intensiva. Espert mediku ġie appuntat mill-Qorti sabiex isir rapport dwar il-kundizzjoni tas-saħħa tal-mara.
Ir-raġel inżamm taħt arrest wara li t-talba tad-difiża mmexxija mill-Avukat Kathleen Grima ġiet miċħuda minħabba l-gravità tal-każ.
Madankollu l-Qorti laqgħet it-talba li ma jixxandrux l-ismijiet ta’ dawk involuti fil-każ, dan hekk kif il-koppja għandhom erbat itfal taħt l-età.