Is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm permezz ta’ stqarrija fakkar li llum iċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ G’manġa hu diġà miftuħ u ser jibqa’ hekk sas-18:00 tal-lejla.
Għaldaqstant dawk li għandhom siegħa ta’ ħin ħieles huma mistiedna jersqu biex jagħtu d-demm b’solidarjetà ma’ dawk li f’dawn l-aħħar jiem soffrew minn inċidenti tat-traffiku u qed jiġu rikoverati fl-isptarijiet tal-gżejjer tagħna.
Is-Servizz jieħu l-opportunità biex jappella għal ħafna iktar prudenza fis-sewqan għax in-negliġenza apparti li ġġib riskju kbir tat-telf tal-ħajja, tħarbat wkoll ir-riserva tad-demm.
Dawk li ma jistgħux jiġu llum jistgħu jiġu f’kull ieħor tal-ġimgħa mit-8:00am sas-6:00pm.
Huwa importanti li wieħed iġib il-Karta tal-Identità, jew il-Liċenzja tas-Sewqan jew Passaport Malti, u possibbilment iħajjar lil ħaddieħor jagħti d-demm ukoll.