Notifiki

Pensjonanti sodisfatti bis-62+

Il-miżura mħabbra iktar kmieni din il-ġimgħa, bil-għan li l-pensjonanti jdaħħlu xi ħaġa iktar għal dak li ġemmgħu tul is-snin, intlaqgħet tajjeb minn organizzazzjonijiet tal-pensjonanti li nnotaw kif dan jista’ jgħin lill-anzjani jżommu livell ta’ ħajja aħjar.

“Il-miżura li tnediet aktar kmieni din il-ġimgħa dik imsejħa ‘62+ Government Bond’ hija waħda fid-direzzjoni t-tajba għaliex tnaqqas ir-riskju tal-faqar li jistgħu jidħlu fih il-pensjonanti,” stqarr is-Segretarju Internazzjonali tal-Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-Pensjonanti, Moses Azzopardi, li b’sodisfazzjon qal li din kienet proposta tal-istess assoċjazzjoni li l-Gvern laqa’ u ħadem fuqha.

Tal-istess fehma hija l-Għaqda tal-Pensjonanti fi ħdan il-General Workers Union fejn l-Assistent Segretarju tal-Għaqda, Joe Sapiano, qal li “ovvjament din hija xi ħaġa pożittiva ħafna għall-anzjani u l-inċentiv li ta l-gvern ta’ tlieta fil-mija żgur li se jkompli javvanza lill-anzjani Maltin u Għawdxin.”

Sapiano ddeskriva din il-miżura bħala waħda li se tolqot kemm iż-żgħir u kemm il-kbir, għaliex wieħed jista’ jinvesti kemm irid minn €500 sa €10,000 kull persuna jiġifieri koppja tista tinvesti sa €20,000. L-Għaqda tal-Pensjonanti kienet imħassba għall-fatt li l-imgħax tul dawn l-aħħar snin niżel drastikament, b’mod partikolari fuq il-kontijiet fissi offruti mill-banek lokali, u għalhekk “din l-aħbar hija waħda sabiħa għall-anzjani kollha,” qal Sapiano.

Din il-miżura tħabbret mill-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna f’ konferenza tal-aħbarijiet it-Tlieta filgħodu fejn huwa qal li din kienet miżura mħabbra fl-aħħar baġit li permezz tagħha jinħareġ bond, b’rata t’imgħax ferm aħjar minn dak tas-suq immirati biss għall-pensjonanti, dan sabiex itejbu d-dħul tagħhom. Huwa esprima s-sodisfazzjon tiegħu li l-Gvern għal darb’oħra ta inċentiv ieħor lill-pensjonanti. “Kuntent li sa fl-aħħar ilGvern issa jista’ jimplimenta miżura oħra biex tkompli ttejjeb id-dħul tal-pensjonant,” temm jgħid il-Ministru Scicluna fit-tneddija ta’ dan il-Bond.

L-imgħax ta’ dan il-Bond huwa ta’ tlieta fil-mija li jitħallas kull sitt xhur. L-investiment huwa mifrux fuq perjodu ta’ ħames s n i n , fejn l-investitur ma jistax jiġbed flusu qabel jgħaddu l-ħames snin jekk mhux għal raġuni valida u dokumentata ta’ mard. Din il-miżura se tidħol fisseħħ proprju fit-tieni nofs ta’ din is-sena minkejja li kienet imħabbra s-sena oħra, dan għaliex kellha bżonn tinbidel il-liġi dwar il-Bills tat-Teżor ta’ Malta, liema liġi għaddiet mill-Parlament ftit tal-jiem ilu.

L-Ekonomista Alfred Mifsud spjega iżjed dwar din il-miżura li fiha l-Gvern qed jissussidja l-imgħax ta’ dan il-bond partikolari bi kważi tnejn fil-mija. Dan għaliex li kieku l-Gvern joħroġ fis-suq dan il-bond kien joħorġu b’wieħed fil-mija u ma jkollu l-ebda problemi li ma jbigħux għax probabbilment kienu jkunu l-banek stess li jixtru dawn il-bonds.

“F ’dan il-kuntest wieħed irid japprezza iżjed din il-miżura tal-Gvern li permezz tagħha l-Gvern qed jonora l-obbligu soċjali tiegħu lejn il-pensjonanti minħabba li l-imgħaxijiet fl-Ewropa qegħ- din daqstant baxxi,” sostna l-Ekonomista Mifsud. Huwa spjega kif il-livell baxx ta’ imgħax tul dawn l-aħħar snin kien qed jitfa’ fi żvantaġġ lil għexieren ta’ pensjonanti li matul ħajjithom stinkaw sabiex iġemmgħu somma flus sabiħa u jibdew igawdu l-frott tagħha wara l-irtirar tagħhom. Il-problema tal-imgħax mhijiex xi ħaġa ta’ pajjiżna biss iżda tad-19-il membru taż-żona ewro. Dan għaliex huwa l-Bank Ċentrali li jirregola r-rata.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend