Il-pass li għamel il-Parlament Malti wieħed awtonomu issa se jittieħed għall-qrati wkoll.
Kif imwiegħed fil-Manifest Elettorali tal-Partit Laburista, il-gvern se jemenda s-sistema preżenti u jħalli t-tqassim tar-riżorsi tal-bżonnijiet tal-Qrati f’idejn bord amministrattiv u mhux iktar f’idejn il-gvern- u b’hekk il-qorti tibda tamministra lilha nnfisha. Kif fissrilna l-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici.
Bonnici qal kif se “inkabbru l-awtonomija tal-Qorti, fejn meta ngħidu hekk ifisser li l-fondi li l-Qorti jkollha bżonn biex taħdem ma jkunux dipendenti la fuq il-Gvern u lanqas fuq il-Parlament. Imma b’mod awtomatiku jiġu allokati flus favur tagħha biex tkun tista’ topera.”
Dan anka fejn tidħol il-ħtieġa tal-ħaddiema fis-sezzjoni tas-sapport amministrattiv. Bl-awtonomija mogħtija, tkun il-Qorti stess li tiddeċiedi kemm hemm bżonn li jiġu impjegati ħaddiema biex il-qrati jiffunzjonaw sew, u mhux tibqa’ sserraħ fuq il-ħniena tal-Gvern.
B’hekk, sostna Bonnici, it-tielet pilastru tal-istat, dak ġudizzjarju, jissepara ruħu mill-fergħa eżekuttiva u dan issaħħaħ id-demokrazija.