Diskuss l-irwol tal-Kunsilli Lokali – One News

Notifiki

Diskuss l-irwol tal-Kunsilli Lokali

Sar studju dwar il-vijabilità ta’ ċentri reġjonali mħaddma mir-reġjuni lokali li kien ippreżentat lill-gvern.

Dan irriżulta f’laqgħa li s-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsill Lokali, Silvio Parnis, kellu mal-Assoċjazzjoni għall-Kunsilli Lokali fejn kien ikkonfermat li r-reġjun tax-xlokk ressaq dan l-istudju fuq proġett maħsub bl-isem ta’ reach out.

Il-ħsieb nibet mill-Assoċjazzjoni għall-Kunsilli Lokali li ħarġet bl-idea li f’kull wieħed mir-reġjuni li hu mqassam fihom pajjiżna jkun hemm ċentru ta’ dan it-tip.

Mario Fava, President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, spjega l-effett li jħallu f’ħajjet ir-residenti ċentri bħal dawn jekk kemm-il darba jsiru.

Hu qal li “Jintlaħqu b’mod aħjar ir-residenti, joffru ċertu servizzi lir-residenti li fuq bazi ta’ kunsill lokali ma jigux offruti.”

Meta żar il-bini ta’ din l-assoċjazzjoni li tirrappreżenta l-interessi tal-Kunsilli Lokali, is-Segretarju Parlamentari, Silvio Parnis, sema’ l-idea u s-suġġerimenti ta’ dawk li jħossu l-ħtiġijiet tar-residenti fl-ibliet u l-irħula.

Mario Fava spjega kif fost il-prijoritajiet li jixtiequ li jiġu indirizzati minħabba li qed iħassbu lir-residenti u l-kunsilli lokali hemm l-immaniġġjar u l-ġbir tal-iskart mill-lokalitajietfost oħrajn.

Is-segretarju Parlamentari Silvio Parnis qal li l-vizjoni tal-gvern hi li jkun hemm r-riforma fil-kunsilli lokali.

Fost l-oħrajn biex titneħħa l-burokrazija zejda u jkun hemm aktar rispett u dinjita lejn is-sindki u t-tmexxija tal-kunsilli lokali.

Huwa irringrazzja lill-kunsill lokali tal-ħidma tagħhom għax tħalli effett pożittiv fil-ħajja ta’ dawk li jgħixu fl-ibliet u l-irħula madwar il-pajjiż.
Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend