Lejn it-tlestija tal-ewwel Stroke Ward f’pajjiżna – One News

Notifiki

Lejn it-tlestija tal-ewwel Stroke Ward f’pajjiżna

Is-sħubija ta’ Vitals Global Healthcare f’pajjiżna ma’ Partners Healthcare International u Spaulding Rehabilitation Hospital qed twassal biex f’pajjiżna jinfetħu strutturi ġodda. Fosthom l-Istroke Rehabilitation Ward, li qed isir ix-xogħol fiha bħalissa fl-Isptar Karen Grech.

Għaddejja ġmielha l-ħidma biex fl-Isptar Karen Grech tinfetaħ Stroke Rehabilitation Ward.

Sala li se tkun l-ewwel tat-tip tagħha, u li fiha se tilqa’ pazjenti li wara li jkunu ngħataw il-kura meħtieġa f’Mater Dei, jekk ikun meħtieġ jintbagħtu  għal kura rijabilitattiva minn għadd ta’ aspetti.

Tim ta’ esperti minn Partners Global Healthcare u minn Spaulding Rehabilitation Hospital ġew f’pajjiżna biex tissaħħaħ il-kollaborazzjoni ma’ Vitals Global Healthcare, li qed terġa’ tagħti l-ħajja lill-Isptar San Luqa, Karen Grech, u l-Isptar Ġenerali t’Għawdex.

Dr Randie Black-Schaffer, Direttur Mediku ta’ Spaulding Rehabilitation Hospital, spjegatilna kif studji wrew li faċilitajiet bħal din iżidu r-rata ta’ nies li jtejbu l-kundizzjoni tagħhom, inaqqsu r-riskju ta’ puplesija oħra, u saħansitra jnaqqsu r-rata ta’ mwiet. Dan permezz ta’ programm ta’ riabilitazzjoni rigoruż.

Filwaqt li staqsejniha dwar kemm hi kunfidenti li dan il-proġett f’pajjiżna se jkun suċċess, Lynne Brady Wagner, id-direttur tal-programm tal-Puplesija fl-Isptar ta’ Rijabilitazzjoni Spaulding, spjegatilna ir-rwoli diversi li jaħdmu għar-rijabilitazzjoni tal-pazjenti.

Dawn il-professjonisti lkoll saħqu li hu imperattiv li dan it-tim jaħdem flimkien għall-ġid tal-pazjent.

Biex din il-faċilità taħdem bl-aqwa mod, numru ta’ professjonisti Maltin qed jitħarrġu, fosthom anke bi żjara li saret fl-Istati Uniti. Joanne Fucile – Nurse Executive fl-isptar ta’ Rijabilitazzjoni Spaulding, innutat il-ħidma ffukata mal-istaff Maltin biex jissaħħaħ is-servizz f’pajjiżna.

Għaldaqstant Partners Healthcare International, u Spaulding Rehabilitaion Hospital, l-imsieħba ma’ Vitals Global Healthcare, huma pożittivi li l-livell ta’ kura f’pajjiżna se jkompli tiela’ – f’dan il-każ fir-rijabilitazzjoni għal ħajja aħjar wara puplesija.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend