Is-sajjieda Għawdxin jirċievu palm b’xejn – One News

Is-sajjieda Għawdxin jirċievu palm b’xejn

Bħalma kien jiġri fis-snin preċedenti, din is-sena wkoll, il-Ministeru għal Għawdex ħa ħsieb sabiex iqassam ammont sostanzjali ta’ palm lis-sajjieda bbażati ġewwa Għawdex u li rreġistraw personalment għal din l-għotja.

Wara li din il-pjanta ġiet infettata bil-Bumunqar Aħmar tal-Palm, is-sajjieda qed isibuha diffiċli sabiex jiġbru l-ammont mixtieq ta’ palm u dan hu bżonnjuż għaliex il-weraq tal-palm hu neċċessarju sabiex  jippreparaw il-kannizzati għall-istaġun tal-lampuki.

Il-Ministeru għal Għawdex, permezz ta’ ħaddiema fi ħdan il-Ministeru, ħa ħsieb sabiex jitratta l-palm li jinsabu mifruxa madwar il-gżira f’għadd ta’ ġonna pubbliċi u eventwalment jiżbor din il-pjanta.

Waqt żjara li għamlet, fejn assistiet għal dan il-proċess, il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana, ħabbret li għall-ewwel darba minn din is-sena, it-tqassim tal-palm lis-sajjieda li applikaw qed isir bla ħlas.

Il-Ministru saħqet li minn issa ġa beda pjan t’azzjoni sabiex jiġu identifikati aktar siġar tal-palm u dawn jiġu trattati. Dan qed iseħħ sabiex il-problemi li qed jiffaċċjaw is-sajjieda Għawdxin jiġu imtaffija u s-siġra tal-palm tibqa’ waħda b’saħħitha.

Il-Ministru Caruana ikkonkludiet li dan l-eżerċizzju ser jibqa’ jingħata b’xejn kull sena sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż li qed iħabbtu wiċċhom magħhom is-sajjieda Għawdxin.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend