F’anqas minn xahrejn mill-elezzjoni ġenerali li għaddiet, tibda sseħħ il-profezija tal-Prim Ministru Joseph Muscat dwar il-koalizzjoni ta’ konfużjoni li ħoloq u daħħal fiha lill-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil flimkien mal-Kap tal-Partit Demokratiku Marlene Farrugia.
Jiddikjara dan, l-editorjal ta’ The Malta Independent tal-lum fid-dawl tad-dikjarazzjonijiet li qed tagħmel Farrugia dwar l-erba’ kontestanti għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista meta fost oħrajn sejħitilhom non-starters.
Jgħid li d-dikjarazzjonijiet ta’ Farrugia li meta jfetlilha tikkwota l-koalizzjoni, tkompli titfa’ dubju wara l-idea “ġenjali” tal-koalizzjoni li saret qabel il-kampanja elettorali.
“Dan ikompli jsaħħaħ il-profezija li għamel Joseph Muscat matul il-kampanja elettorali li l-Forza Nazzjonali kienet biss ‘koalizzjoni tal-konfużjoni’”, jgħid l-editorjal waqt li jsostni li huwa aktar minn ċar li din il-koalizzjoni saret mingħajr ebda regoli stabbiliti bejn iż-żewġ naħat.
Wara li Busuttil daħħal lill-PN f’din il-konfużjoni, l-editorjal tal-Independent jgħid li Busuttil li bħal donnu għandu opinjoni fuq kollox u li qisu mhux se jħalli t-tmun tal-partit fi ftit ġimgħat, qiegħed joqgħod ‘il bogħod milli jikkummenta dwar il-mod li bih is-sieħba tiegħu fil-koalizzjoni qed tittratta l-kontestanti fit-tellieqa għat-tmexija tal-PN.
Jgħid li waqt li Farrugia qed tistqarr dak li b’mod iddisprat jixtieq jgħid hu dwar l-erba’ kontestanti, madankollu l-imġiba tiegħu turi mod ieħor tant li meta stedinhom fl-uffiċċju tiegħu, naqas milli jistedinha magħhom.
L-editorjal tal-Independent jgħid li dak li qed jonqsu milli jgħidu l-kontestanti għat-tmexxija tal-PN hu li joffru li l-Partit Demokratiku jissieħeb fil-PN bil-għan li din il-koalizzjoni tal-konfużjoni tiġi xolta darba għal dejjem.