Ħidma mal-imsieħba ewlenin biex is-settur finanzjarju jittieħed għal-livell li jmiss – One News

Ħidma mal-imsieħba ewlenin biex is-settur finanzjarju jittieħed għal-livell li jmiss

Fil-jiem li ġejjin il-Gvern se jniedi dokument ta’ konsultazzjoni biex f’ħidma mal-imsieħba ewlenin is-settur finanzjarju jittieħed għal-livell li jmiss.

Ħabbar dan il-Prim Ministru Joseph Muscat f’laqgħa tal-membri tal-Kabinett mal-Kamra tal-Kummerċ.

Il-Prim Ministru sostna li l-għan tal-Gvern għall-ħames snin li ġejjin hu li jkompli bil-pass li qabad fl-aħħar erba’ snin. Erba’ snin fejn l-ekonomija ssaħħet, ġie rreġistrat surplus, u grazzi għall-istabilità tal-pajjiż u ħidma pro-business tal-Gvern – fosthom bir-roħs ta’ ħamsa u għoxrin fil-mija tal-kontijiet – kiber l-investiment.

Issa, tenna li rridu mmorru lil hinn minn dan, fosthom b’inizjattivi li jsaħħu l-ħaddiema. Bħal li jingħataw lura btajjel pubbliċi li jaqgħu fi tmiem il-ġimgħa. Suġġett li għalkemm konrtoversjali għal entitajiet bħall-Kamra tal-Kummerċ, se ssir ħidma biex tinstab l-aqwa soluzzjoni.

Innota kif il-pajjiż issa jmissu titjib kbir fl-infrastruttura, fosthom bil-pjan ta’ seba’ snin biex jitranġaw it-toroq kollha tal-pajjiż. Imma mhux biss. Anke f’deċiżjonijiet importanti dwar l-istrateġija tal-immaniġġjar tal-iskart.

Tkellem ukoll dwar l-Air Malta – fejn saħaq li għad fadal post għal-linja nazzjonali tal-ajru, li għaddejja bi programm ta’ tkabbir – biż-żieda fil-flotta u fit-titjiriet. Dan biex tkun tista’ sservi anke ta’ pont bejn il-kontinent Ewropew u dak Afrikan. Għal dan il-għan innota kif se jkun hemm diskussjonijiet mal-ħaddiema biex isiru l-ftehimiet kollettivi.

Tenna li l-Gvern se jibqa’ qrib il-partijiet interessati biex Malta tibqa’ miexja lejn ekonomija b’saħħitha imma ġusta.

Minn naħa tiegħu, il-President tal-Kamra tal-Kummerċ Frank Farrugia wera x-xewqa li d-diskussjoni bejn l-imsieħba u l-Gvern tkompli, anke għaliex it-tnejn għandhom bosta ideat u prioritajiet komuni, fosthom l-importanza ta’ infrastruttura aħjar, it-tnaqqis tal-burokrazija, konsolidazzoni fiskali, it-tisħiħ tar-reputazzjoni tal-pajjiż, il-linja nazzjonali tal-ajru, u l-bżonn li jkun indirizzat tnaqqis fis-suq tax-xogħol.
Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend