Notifiki

Grupp teatrali Malti b’farsa ikonika f’Munich

Zararti Malta Cultural Association għada kif irritornat lura minn Munich, fejn irrapreżentat lil Malta fil-Blütenring Summer Festival, ġewwa l-Englischen Garten, fl-okkażjoni tal-erbgħin anniversarju tal-Blütenring Theatrical Association.

L-għaqda Maltija tellgħet il-farsa ikonika tagħhom ‘Arlecchino u l-Barbier ta’ Seviglia’, kitba ta’ Narcy Calamatta, li ġiet tradotta għall-Ingliż bil-għan li tipparteċipa f’dan il-festival prestiġjuż, nhar it-23 ta’ Lulju 2017.

Jaume Villalba Sanchez, direttur artistiku tal-festival, kif ukoll l-organizzaturi l-oħra tal-avveniment, faħħru il-prestazjoni artistika tal-Maltin u semmew il-kapaċita’ li kellhom l-atturi li jiġbdu s-simpatija tal-pubbliku wara l-ewwel ftit battuti tagħhom. Il-kanzunetti allegrużi li jżewqu din il-play, kif ukoll il-mod kif kwotazjonijiet famużi minn Shakespeare u l-opra ‘Il Barbiere di Seviglia’ ta’ Rossini ġew riadattati għall-kuntest tal-farsa, niżlu tajjeb ħafna mal-ispettaturi, li apprezzaw ukoll iċ-ċajtiet relatati mal-kuntest Ġermaniż u refernzi oħra ta’ umoriżmu universali.

‘Arlecchino u l-Barbier ta’ Seviglia’ ittellgħet diversi drabi hawn Malta, fosthom f’ Żejt iż-Żejtun u fl-Għaxaq Cheese and Wine Festival. Lebsin kostumi rikki tipiċi tas-seklu tmintax, f’din ir-rexta ħadu sehem Narcy Calamatta bħala Pantalone, Patrick Tanti bħala Arlecchino, Veronica Mizzi bħala Colombina, James Ryder bħala Lindoro u Svetlana Pandolfino bħala Rosina.

Quddiem udjenza ta’ ftit mijiet ta’ nies, ‘Arlecchino u l-Barbier ta’ Seviglia’ ittelgħet fl-amfiteatru tal-akbar city park fl-Ewropa, bħala parti mill-ħidma kontinwa ta’ Zararti sabiex tqajjem interess ġdid fil-ġeneru tal-Commedia dell’Arte.

Zararti hija wkoll kburija li tħabbar li diġa’ ġiet mistiedna biex tirrapreżenta lil Malta fl-edizzjoni tas-sena d-dieħla tal-Blütenring Summer Festival.

Wieħed jista’ jikseb aktar informazzjoni dwar Zararti Malta Cultural Association billi jżur il-paġna ta’ Facebook li ġġib l-istess isem.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend