AĠĠORNAT: Avukat Ġenerali tal-Qorti Ewropea b’opinjoni iebsa dwar l-insib f’Malta – One News

Notifiki

AĠĠORNAT: Avukat Ġenerali tal-Qorti Ewropea b’opinjoni iebsa dwar l-insib f’Malta

L-avukat ġenerali fil-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, Elanor Sharpston, qalet li l-Qorti Ewropea għandha tilqa’ l-każ tal-Kummissjoni Ewropea kontra Malta b’rabta mal-insib ta’ seba’ speċi ta’ għasafar tal-għana.

Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston, li issa jridu jiġu kkunsidrati mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li mistennija tasal għall-verdett finali tagħha aktar tard din is-sena.

Fil-konklużjoni tal-Opinjoni tagħha, l-Avukat Ġenerali tkellmet dwar il-bilanċ bejn dak li hu direzzjoni u l-liġijiet Ewropej. Iżda, tenniet li hi “kompletament konvinta li l-arranġamenti attwali ma jirrispettawx l-obbligi ta’ Malta skont il-liġi tal-UE”.

Id-dokument ta’ 25 paġna intlaqa’ minn BirdLife Malta li qalet li “ma tistax ma tinnutax li l-Avukat Ġenerali semmiet diversi fatti li jsaħħu l-argument li kien żball li nfetħu l-istaġuni tal-insib għall-għasafar tal-għana mill-2014 lil hawn.”

Dan wara li l-insib għall-għasafar tal-għana ġie abolit gradwalment sal-2009.

Tikkritika wkoll il-fatt li minflok tindirizza dawn il-kwistjonijiet, Malta tagħżel li tagħmel enfasi fuq il-fatt li l-użu ta’ xbieki bħal dawn huwa xi ħaġa ‘tradizzjonali’.

Intqal li dak li huwa l-aktar ta’ sodisfazzjon għal BirdLife Malta hu l-fatt li l-Opinjoni tal- Avukat Ġenerali hi konsistenti mal-pożizzjoni ripetuta tagħna li l-liġijiet ambjentali, inkluż id-Direttiva dwar l-Għasafar, saru biex “iħarsu lill-għasafar – mhux biex jirregolaw il-mod kif isiru l-kaċċa u l-insib għalihom”; u anke li “Stati Membri ma jistgħux jippretendu li għandhom xi dritt sagrosant (carte blanche) biex japplikaw deroga”.

Intant fi stqarrija l-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima nnotaw dak li tressaq quddiemhom mill-Avukat Ġenerali Eleanor Sharpston rigwar il-kwistjoni tal-insib.

Il-Ministeru qal li l-opinjoni tal-Avukat Ġenerali mhux se tkun qed torbot lill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja u jemmen li għadu wisq kmieni biex wieħed jispekola jew jikkummenta dwar l-eventwalità tal-każ. Għalekk il-Ministeru se jkun qed jistenna l-verdett finali tal-Qorti li mistenni joħroġ fix-xhur li ġejjin. 
Fl-istqarrija ntqal kif għalekk din is-sitwazzjoni se tkun qed tiġi evalwata bid-deċiżjonijiet ġusti jkunu meħuda fuq il-bażi tal-analiżi li se jsir fuq il-verdett finali.
F’konferenza tal-Aħbarijiet il-Kap Eżekuttiv ta’ Birdlife Malta, Mark Sultana saħaq li x-xogħol ta’ Birdlife se jkun qed jibqa’ li jinqabdu l-irregolaritajiet u se jgħinu biex tiġi infurzata l-liġi. Fl-istess waqt huma se jkunu qed jistennew il-verdett finali. 
Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend