Matul dan is-Sajf se tkompli l-ħidma fuq numru ta’ toroq Maltin – One News

Notifiki

Matul dan is-Sajf se tkompli l-ħidma fuq numru ta’ toroq Maltin

Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg żar il-ħaddiema li qegħdin jaħdmu bis-sħiħ sabiex jitlesta l-proġett tal-Kappara, hekk kif infetħet għat-traffiku l-flyover tal-Kappara diversi ġimgħat qabel iż-żmien.

Iżda dan mhux se jkun l-unika proġett għal din is-sena fit-toroq Maltin dan hekk kif bejn Ġunju u Settembru 2017, Transport Malta se tkun wettqet diversi proġetti madwar il-pajjiż, bil-ħsieb li titjieb il-kwalità tat-toroq tagħna filwaqt li jiġu indirizzati l-isfidi tat-traffiku fl-arterji prinċipali.

Il-Ministru Borg, qal li għalkemm huwa diffiċli li jingħelbu l-isfidi tat-traffiku u tat-toroq f’Malta fi żmien daqstant qasir, dan ma jfissirx li għandna naqtgħu qalbna milli nsolvu l-problema jew li għandna nfasslu biss pjanijiet fit-tul li jieħdu s-snin biex jitwettqu.

Il-Ministru Borg sostna li l-impenn tal-Ministeru u ta’ Transport Malta huwa li tiġi indirizzata din is-sitwazzjoni minn aspetti differenti, u li filwaqt li qed jiġu allokati riżorsi kbar, anke permezz ta’ fondi Ewropej, fuq proġetti kapitali kbar bħal dak tal-Kappara stess, il-mina ta’ bejn Malta u Għawdex, u l-Addolorata junction fil-Marsa, qed isir ukoll xogħol ieħor iżgħar li jista’ jkollu impatt sinifikanti fuq il-ħajja ta’ kuljum tar-residenti Maltin u Għawdxin.

Huwa qal li qed isir studju fuq kull junction u kull arterja magħrufa għad-diffikultajiet tat-traffiku sabiex jiġu implimentati soluzzjonijiet xierqa.

Qed isir ukoll xogħol sabiex l-effiċjenza u r-riżorsi ta’ Transport Malta jiżdiedu, u b’hekk dawn ix-xogħlijiet jitwettqu fl-inqas żmien possibbli.

Ian Borg tkellem ukoll dwar id-diversi xogħlijiet li għaddejjin bħalissa sabiex tittaffa l-problema tat-traffiku. Huwa tkellem dwar Ħal Lija u tenna li din il-parti tat-triq tara mal-2,400 vettura fis-siegħa kull filgħodu, tant li l-karozzi ġejjin min-naħa ta’ fuq tal-gżira jeħlu qabel jaslu Ħal Lija, u li jiġri l-istess fil-peak hour ta’ filgħaxija huma u tilgħin lura ‘l fuq.

Il-Ministru sostna li ma kienx mixtieq li jitnaqqsu l-ispazji tal-parkeġġ f’din it-triq, u wisq anqas li jiġu maqtugħin is-siġar, iżda li kien hemm bżonn li jittieħdu dawn id-deċiżjonijiet mhux daqstant popolari sabiex din il-parti tat-triq tkun tista’ tilqa’ għat-traffiku li jgħaddi minnha kuljum b’inqas diffkultà. Huwa qal li x-xogħol f’din it-triq, li beda dan ix-xahar stess, diġà wasal fl-aħħar fażijiet tiegħu u se jitlesta f’Awwissu.

Il-Ministru tkellem ukoll dwar ix-xogħol li qed isir fir-roundabout ta’ quddiem l-ajruport, li hija ferm importanti għar-residenti ta’ diversi nħawi, fosthom il-Gudja, Ħal Kirkop, Ħal Safi, il-Qrendi, l-Imqabba, u ż-Żurrieq. Bħalissa għaddej xogħol sabiex jinfetħu tliet karreġġjati ġodda, li permezz tagħhom it-traffiku jgħaddi minn din ir-roundabout aktar malajr.

Dan ix-xogħol mistenni li jitlesta f’Awwissu wkoll. Ian Borg qal li, qabel jintemm is-sajf, għandhom jitlestew ix-xogħlijiet sabiex jiġu mtaffija d-diffikultajiet fl-inħawi tal-iskejjel taż-Żebbiegħ fl-Imġarr.

Huwa ħabbar ukoll li dalwaqt se jibda xogħol biex jitjieb l-aċċess għar-roundabout tal-Mosta Technopark, u li fil-jiem li ġejjin se titranġa wkoll il-konnessjoni bejn Triq il-Marsa u Triq l-Ingiered fl-inħawi ta’ bejn il-korsa tal-Marsa u l-Isptar St Vincent de Paul, sabiex tkun aktar sikura għas-sewwieqa.

Ian Borg fakkar ukoll li għalkemm din l-aġenzija għadha ma twaqqfitx, ix-xogħol ta’ titjib tat-toroq diġà beda. Huwa qal li f’dawn l-aħħar ġimgħat ġew varati diversi ħidmiet, fosthom dawk ta’ ħdejn id-Domus Romana fir-Rabat. Waslu biex jibdew ukoll xogħlijiet f’Ħ’Attard, Ħaż-Żabbar, Birżebbuġa, iż-Żurrieq, San Pawl il-Baħar, il-Birgu, u l-Marsa, kollha fil-ġimgħat li ġejjin.

Din il-ħidma se tkompli fix-xhur u s-snin li ġejjin, hekk kif bħalissa qed jiġu ffinalizzati wkoll il-pjanijiet għall-proġetti li se jitwettqu fis-sena 2018.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend