It-tanker bl-isem ta’ Neverland li kien qed iġorr madwar 700,000 barmil ta’ żejt mhux raffinat mir-Reġjun Kurdistan qed jiġi rrapportat li deher ‘il barra mill-kosta Maltija u x’aktarx m’għandu l-ebda merkanzija abbord. Dan skont rapport li qed jidher fuq r-Reuters.
It-tanker taż-żejt, mikri minn Vitol, intlemaħ l-aħħar qrib il-kosta fil-Lvant tal-Kanada lejn l-aħħar tax-xahar l-ieħor wara li ntefa’ t-transponder.
It-tanker kien fi triqtu lejn il-Kanada fi tmiem Ġunju meta l-Qorti Federali tal-Kanada ħarġet ordni ta’ sekwestru għall-bastiment wara talba li saret mill-Ministeru għaż-żejt tal-Iraq.
It-tanker jidher li hu vojt, dan skont draft li jidher fis-sistema ta’ ttraċċar tal-bastiment.
Lura f’Ġunju l-Iraq kien sostna li l-merkanzija kienet miżaproprijata llegalment mill-Gvern Reġjonali Kurdistan u mibjugħa lill-Vitol biex tittella’ abbord il-bastiment Neverland dan f’battalja li ilha għaddejja bejn il-Gvern Federali tal-Iraq u l-Gvern Reġjonali Kurdistan, dwar il-kwistjoni ta’ min għandu dritt jesporta u jippromwovi l-bejgħ mir-reġjun semi-awtonomu.
Filfatt il-Ministeru tal-Iraq kien wissa lil Vitols qabel xtrat il-merkanzija, li kull tip ta’ xiri ta’ żejt mhux raffinat mingħand il-Gvern Reġjonali Kurdistan ikun qed imur kontra d-drittijiet taċ-ċittadini Iraqini.
Iżda kien allegat li Vitol xorta waħdet xtrat il-merkanzija u rrifjutat li tagħti lura l-merkanzija f’idejn il-Minsiteru tal-Iraq.