L-eks Ministru Jason Azzopardi, li iktar kmieni din il-ġimgħa kien ikkundannat mill-Awditur Ġenerali, sab jiddefendih lil Chris Said, wieħed mill-kontestanti għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista.
Dan anke jekk dwar it-tmexxija ta’ Azzopardi hemm ħames rapporti tal-Awditur Ġenerali.
F’konferenza tal-aħbarijiet li fiha qal li jekk ikun kap hu s-Segretarju ĠEnerali tal-Partit Nazzjonalista jibda jinħatar mill-Kunsill Ġenerali, Said kellu biss kliem ta’ tifħir għal deputat sieħbu li fl-aħħar snin spiċċa fi skandlu wara ieħor.
Chris Said qal “Jason wieħed mid-deputati li jaħdmu ħafna, bla serħan fil-PN u fl-oppożizzjoni,” fejn kompla jgħid li għandu fiduċja sħiħa fil-kapaċita ta’ Jason Azzopardi.
Fl-aħħar żewġ rapport li ppubblika l-Awditur Ġenerali kkummenta kif il-pajjiż tilef miljuni f’deals fuq l-art ta’ Spinola u tal-Fekruna u dan fi proċessi fejn ftit li xejn kien hemm dokumenti u fejn qamu mistoqsijiet kbar kif tmexxew.
Peró, id-dikjarazzjonijiet ċari dwar nuqqas ta’ trasparenza u governanza tal-Awditur Ġenerali għal Chris Said huma biss spin.
U filwaqt li ddefenda dan kollu Chris Said qal ukoll li kuntent li Simon Busuttil se jżomm is-siġġu parlamentari. Said huwa l-uniku wieħed mill-kontestanti għall-kariga tat-tmexxija tal-PN li għandu siġġu, u Busuttil għamilha ċara li mhux se jkun hu li jċedi s-siġġu jekk jitla wieħed mit-tlieta l-oħra. Lil Chris Said, li fl-istamperija kulħadd jaf li ma’ Busuttil ma tantx imur tajjeb, din niżlitlu għasel.