Żvolta ġdida fil-każ tal-allegazzjonijiet li saru fil-konfront tal-uffiċjal tal-Gvern Neville Gafa dwar ħruġ ta’ Visas għall-persuni Libjani.
Allegazzjonijiet li kienu saru minn Khaled Ben Nasan, li issa se jkun qed jittella’ l-Qorti akkużat b’rapporti foloz u theddid, liema kawża se tkun ppreseduta mill-Maġistrat Doreen Clarke. Żvelat dawn id-dettalji l-gazzetta It-Torċa, li żvelat li Ben Nassan se jkun qed iwieġeb għal dawn l-akkużi.
Nasan kien għamel diversi rapporti lill-Pulizija fejn anke allega li Neville Gafa kien heddu personalment permezz t’SMS, iżda mill-investigazzjonijiet tal-Pulizija rriżulta li Ben Nasan kien bagħat dawn il-messaġġi lilu nnifsu fuq wieħed mis-seba’ mowbajls li għandu.
Il-Partit Nazzjonalista għamel minn kollox biex jagħmel dan il-każ ballun politiku tant li lil Ben Nasan sejħulu whistleblower, għalkemm lanqas Nasan nnifsu ma talab biex ikun.
Sorsi qrib it-Torċa qalu li dan il-każ reġa’ spiċċa quddiem il-Pulizija minħabba inkonsitenza fl-allegazzjonijiet li għamel Nasan, tant li bidel il-verżjoni u qed jgħid li rċieva dan it-theddid minn telefonata permezz ta’ Viber jew Whatsapp, sistemi li inċidentalment ma jistgħux jiġu intrċċati.