IL-KAP FALLIELU L-AĦĦAR SFORZ – One News

Notifiki

IL-KAP FALLIELU L-AĦĦAR SFORZ

  • Wara l-mossa tal-qorti, telefonati mal-kunsillieri marru ħażin
  • Bdiet tisħon il-qiegħa fost il-kontestanti

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil, kellu pjan biex iħabbar li se jerġa’ jitfa’ n-nomina tiegħu għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Iżda, dan il-pjan sfumalu fix-xejn fi ftit sigħat minn xħin sar magħruf. Dan hu tagħrif ikkonfermat mill-istess imkejjen fil-Partit Nazzjonalista li fl-aħħar xhur kienu provati korretti għal darba wara l-oħra.

Il-pjan kien ibbażat fuq li Simon Busuttil jipprova jerġa’ jqajjem il-kwistjoni tal-Panama fil-Qorti. Dan bit-tama li jkollu grampun ma’ xiex iqabbad il-kandidatura tiegħu.

Fil-ġimgħat li għaddew, Simon Busuttil qal lill-Membri Parlamentari Nazzjonalisti li huwa jikkontesta biss jekk joħroġ ir-rapport tal-inkjesta tal-Egrant u jinstab xi ħaġa kontra l-Prim Ministru. Però r-reazzjoni ta’ ħafna deputati kienet li ħadd mhuwa jemmen dik l-istorja.

Bin-nominazzjonijiet għall-ħatra ta’ Kap jiftħu għada, beda jsir ċar għal Simon Busuttil li lanqas din it-tama żgħira ma kien se jkollu. Għalhekk huwa ftiehem minn wara dahar kulħadd ma’ Jason Azzopardi biex imorru l-Qorti biex jippruvaw jerġgħu jqajmu l-każ kontra ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi billi talbu investigazzjoni dwar affarijiet li fuqhom diġà qed issir inkjesta. Esperti legali qed jgħidu li t-talba miktuba minn Azzopardi hija bla bażi u dgħajfa ħafna.

L-idea kienet li permezz ta’ din il-mossa jitqajjem entużjażmu għal Simon Busuttil u jkun hemm mewġa biex hu jerġa’ joħroġ għal din l-elezzjoni.
Jason Azzopardi aċċetta li jieħu sehem bil-kundizzjoni li wara jkun appoġġjat għal Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Iżda l-affarijiet ma marrux kif Simon Busuttil kien qed jistenna. Kif in-nies qrib ħafna tiegħu bdew iduru kunsilliera Nazzjonalisti permezz ta’ telefonati biex jgħidulhom li issa l-ħin biex jikkonvinċu lil Busuttil jibqa’, kellhom reazzjoni li ma kinux qed jistennew.  Dan għax numru mhux żgħir minn dawn il-kunsilliera wieġbu li huma diġà kommessi ma’ kandidati oħra u li issa mhux se jaqgħu għaċ-ċajt.

Kien hemm min qal li dawn it-tentattivi ta’ logħob bil-Qrati ma tantx jimpressjonaw.

Il-KullĦadd tista’ tiżvela li Simon Busuttil ukoll ċempel personali lil xi nies iżda xejn ma għenu l-fatt li l-popolarità tiegħu mal-għeruq tal-Partit Nazzjonalista ħadet daqqa ta’ ħarta din il-ġimgħa wara l-kwistjoni ta’ żwieġ indaqs.

Iffaċċjat b’ din ir-reazzjoni, Simon Busuttil induna li kien qed jissogra li jekk joħroġ saħansitra jitlef it-tellieqa għal kap. Għalhekk, għamel irtirata f’battalja li bilkemm kienet bdiet.

L-isfidanti għal Kap għalhekk se jkunu Adrian Delia u Chris Said. Il-kandidaturi l-oħra ta’ Alex Perici Calascione u David Thake, li t-tnejn mistennija jikkonfermaw, huma meqjusa li jsiru sempliċiment biex dawn il-persuni jakkwistaw profil u min jilħaq Kap ma jkunx jista’ jwarrabhom kif ġieb u laħaq.

Claudio Grech għadu jtella’ u jniżżel, iżda l-aħħar li qal lin-nies tiegħu kien li filwaqt li hu fiduċjuż li jista’ jirbaħ il-vot tat-tesserati, jibża’ li l-establishment jerġa’ jaħdem kontrih biex ma jgħaddix mill-Kunsill Ġenerali. Minkejja dan fl-aħħar ġimgħat ma qatax milli jikkampanja jkellem id-deputati u l-kunsillieri u għalhekk Claudio Grech m’għandux ikun eskluż mit-tellieqa bid-deċiżjoni tittieħed fis-sigħat li ġejjin.

L-avukat Adrian Delia għandu l-appoġġ ta’ ħafna nies tal-establishment u huwa favorit li jirbaħ. Fost dawk li qed jikkampanjaw għalih bl-aħrax hemm id-deputat segretarju ġenerali Jean Pierre Debono li għandu għeruq fil-fond ħafna fost il-kunsillieri.  Delia għamel ħafna laqgħat ma’ Membri Parlamentari u Kunsillieri u internament qed ikun kritiku ta’ Busuttil biex joħloq perċezzjoni ta’ distanza minn miegħu peress li issa Simon Busuttil hu kkunsidrat minn bosta bħala piż, liability.

Imkejjen fid-Dar Ċentrali qalu li s-sorpriża vera hija kif Simon Busuttil kisirha għalkollox ma’ Chris Said. Busuttil qed jindika li Said ma mexiex korrettament miegħu meta kien Segretarju Ġenerali, b’Said jirreaġixxi li hu kien għamel id-dirty work kollu, saħansitra keċċa lill-ħaddiema, u bħala grazzi kellu jitlaq wara l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew biex Simon Busuttil daħħal lil Rosette Thake, li qatt ma qabdet art għaliex ma kellhiex għeruq fil-Partit Nazzjonalista.

Sadattant, bdew id-daqqiet taħt iċ-ċintorin bejn iż-żewġ kampanji. L-ewwel waħda kienet l-istorja ta’ eks goalkeeper ta’ Birkirkara FC li qed jisfida rapport li Adrian Delia għamel fil-konfront tiegħu dwar korruzzjoni.  Saħansitra qal li se jieħu passi legali għax dawn l-akkużi foloz irrovinawlu l-karriera u ħajtu.

In-nies ta’ Delia qed jgħidu li id ta’ persuna qrib ħafna ta’ Said, u li taħdem id-Dar Ċentrali kienet wara din l-istorja. Huma qed jgħidu li anki fuq Said hemm xi tgħid. Il-qiegħa se tisħon.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend