Għawdex jinżel għasel mal-istudenti tal-mediċina – One News

Notifiki

Għawdex jinżel għasel mal-istudenti tal-mediċina

  • Jitkellmu fuq l-esperjenza sabiħa fl-isptar
  • Jawgura tajjeb għall-iskola medika

Studenti tal-mediċina kellhom kummenti pożittivi għall-isptar ġenerali ta’ Għawdex wara li attendew għal esperjenza ta’ ftit ġimgħat bħala parti mill-istudji tagħhom f’universitajiet barra l-pajjiż. Bl-iskola medika ta’ Barts tibda l-korsijiet tagħha f’Għawdex fi ftit xhur, kliem dawn l-istudenti għall-isptar ta’ Għawdex iħeġġeġ it-tobba fl-isptar ġenerali ta’ Għawdex li maż-żmien se jibda jilqa’ iktar studenti. Xi ħaġa li se ssir iktar possibbli wara l-investiment li qed isir minn Vitals Global Healthcare.

“Bħala sptar kompatt, l-isptar joffri l-esperjenza ta’ immaniġġjar b’mod sħiħ tal-kura tal-pazjenti. Student jista’ jsegwi pazjent mill-mument li daħal fl-isptar, sakemm ikun ħa l-kura fl-isptar u jerġa’ jintbagħat lura fil-komunità,” qal il-konsulent mediku bi speċjalizzazzjoni fuq l-akkademja, Robert Sciberras.

Minkejja d-daqs tiegħu l-isptar ġenerali ta’ Għawdex joffri taħlita ta’ speċjalitajiet u servizzi. “Ix-xena akkademika fl-isptar hija vibranti ħafna,” qal Farrugia li tkellem dwar kif hemm rabtiet bejn istituzzjonijiet f’Malta u lil hinn fejn l-istudenti u anke l-ħaddiema jipparteċipaw permezz ta’ web streaming u teleconferencing. “Dan kollu jawgura tajjeb għall-istudenti ta’ Barts and the London School of Medicine li ġejjin f’Settembru u se naħdmu kemm nifilħu biex nagħmlu l-esperjenza fl-isptar ġenerali ta’ Għawdex pożittiva kemm nistgħu,” qal Farrugia. U jidher li dak li qed jgħid m’għandux jitpoġġa f’dubju jekk nieħdu l-esperjenzi tal-istudenti li kienu Malta fl-aħħar xahar. Fosthom Chamanjeet Jassal u Katharine Westley li proprju ġejjin mill-iskola ta’ Barts.

“Kienet esperjenza mill-isbaħ. Ingħatajna merħba sabiħa fl-isptar Ġenerali ta’ Għawdex fejn Dr. Sciberras u t-tim tiegħu għamlu minn kollox biex nieħdu l-aħjar minn din il-esperjenza,” spjegaw iż-żewġ studenti interessati li jispeċjalizzaw fir-radjoloġija u l-psikjatrija fost oħrajn.

“Minbarra l-esperjenza edukattiva mill-aqwa li ħadna fl-isptar konna ffortunati li għexna f’dar fiċ-ċentru tar-Rabat li tatna ċans induru kull rokna f’Għawdex,” żiedu jgħidu ż-żewġ studenti.

Esperjenza f’Għawdex ukoll għall-istudent Harriet Buckley mill-Università ta’ Manchester. “Sibt l-isptar ġenerali ta’ Għawdex bħala post mill-aqwa biex taħdem fih. Il-livelli ta’ kura huwa eċċellenti u t-tagħlim li esperjenzajna kien fantastiku,” qal Buckley li wkoll ma naqasx milli jikkummenta dwar is-sbuħija tal-gżira Għawdxija. “Nirrakkomanda l-isptar ġenerali ta’ Għawdex lil studenti  oħra u nittama li anke jien nerġa’ niġi fuq din il-gżira ma ndumx,” qal Buckley.

Jason Whittle huwa student ieħor li jsegwi l-kors fl-istess università. “Ġegħluni nħossni parti mit-tim mill-ewwel,” qal Whittle li nnota kemm għoġbu l-fatt li t-tobba kważi jafu lil kull pazjent jew tal-inqas xi ħadd jiġi minnu.

“It-tagħlim li ngħatajt kien tal-ogħla livell, kemm minn tobba junior kif ukoll mill-konsulenti. Kelli opportunità li nżur il-hyperbaric unit u nifhem l-importanza ta’ kif wieħed jittratta l-kumplikazzjonijiet marbuta mal-għadis, xi ħaġa li mhux komuni fin-naħa ta’ fuq tal-Ingilterra,” kompla jgħid l-istudent li ddikjara li ma kien jiddejaq xejn li kieku l-kors mediku kollu tiegħu għamlu fil-gżira Għawdxija.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend