B’Muscat, 21 impjieg full time ġdid KULJUM – One News

Notifiki

B’Muscat, 21 impjieg full time ġdid KULJUM

Mill-bidla fl-amministrazzjoni tal-pajjiż f’Marzu 2013 sa Jannar li għadda nħolqu 30,151 impjieg full time. Tikkonferma dan analiżi tal-istatistika tal-impjiegi li saret mill-gazzetta KullĦadd.

Dan meta matul ħames snin tal-amministrazzjoni preċedenti t-tkabbir kien ta’ 11,250 impjieg full-time.

Fil-fatt, f’Jannar 2017 in-numru ta’ nies jaħdmu full-time tela’ għal 185,563.

B’hekk f’erba’ snin l-impjiegi żdiedu b’aktar milli żdiedu fit-tliet legiżlaturi ta’ qabel. Taħt din l-amministrazzjoni kull jum żdiedu 21 impjieg full-time. Din hija tliet darbiet ir-rata ta’ ħolqien ta’ xogħol osservata matul l-amministrazzjoni precedenti.

Kienu s-servizzi privati li wrew l-akbar tkabbir. Tispikka żieda ta’ 5,200 impjieg fis-servizzi amministrattivi, 3,400 fis-servizzi tekniċi u professjonali, 1,900 fis-servizzi finanzjarji u żieda ta’ 1,600 full-timer fl-informazzjoni u l-komunikazzjoni.

Kien hemm ukoll tkabbir ta’ 2,500 impjieg fis-settur tal-bejgħ, 1,900 impjieg fil-lukandi u ristoranti u tkabbir ta’ 4,000 impjieg mas-settur tal-gaming u servizzi oħra.

L-impjiegi fis-settur privat żdiedu wkoll b’500 fil-manifattura u 1,200 fil-kostruzzjoni, żewg setturi li tul l-amministrazzjoni preċedenti fihom intilfu eluf ta’ postijiet tax-xogħol. Kien hemm ukoll tkabbir spettakolari fis-settur privat tas-saħħa u tal-edukazzjoni, b’żieda ta’ 2,500 impjieg full-time.

Mill-bidu tal-amministrazzjoni kien hemm żieda ta’ 26,477 persuna full-time mas-settur privat. Li jfisser li disgħa minn kull għaxar impjieg ġdid inħolqu fis-settur privat. Dan imur għalkollox kontra l-istqarrijiet tal-Oppożizzjoni li t-titjib fil-qasam tal-impjiegi gej mis-settur pubbliku. L-impjiegi fis-settur pubbliku illum huma 24.3% tal-impjiegi kollha full-time, meta fi tmiem l-amministrazzjoni preċedenti dawn kienu 27%.

Dan ifisser li d-dipendenza fuq is-settur pubbliku naqset u mhux żdiedet.

Fl-istess ħin, il-Gvern ma naqasx li jżid ir-riżorsi f’setturi importanti fis-servizz pubbliku. Fost l-oħrajn, kumparat mal-bidu tal-amministrazzjoni, illum hemm 1,200 persuna aktar taħdem fis-saħħa u fl-edukazzjoni pubblika. Fost l-aktar li gawdew mit-titjib fis-suq tax-xogħol kien hemm l-Għawdxin fejn kien hemm żieda ta’ kważi 1,600 impjieg full-time. Dan it-tkabbir huwa diġà d-doppju taż-żieda li kien hemm f’din il-gżira matul il-ħames snin tal-amministrazzjoni precedenti.

Dawn ir-riżultati jikkonfermaw kemm it-tkabbir ekonomiku b’saħħtu qed ifisser titjib għall-familji f’pajjiżna.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend