Is-sena 2016 kienet waħda ta’ suċċess għall-gżejjer Maltin dan hekk kif kien hemm żieda fit-turisti ġejjin minn pajjiżi bħal Polonja, l-Ungerija, ir-Repubblika Ċeka u l-Islovakkja fejn din il-pożittività kompliet kif ukoll fl-ewwel ftit xhur tas-sena 2017.
Dan ħabbritu l-Awtorità għat-Turiżmu permezz ta’ stqarrija fejn sostniet li din iż-żieda fit-turisti minn dawn il-pajjiżi kienet minħabba x-xemx u l-baħar, tiġijiet, vaganzi li waqthom wieħed jista’ jesplora, għal studju tal-Ingliż, għal vaganzi qosra u kif ukoll l-LGBTIQ. Dan permezz ta’ sforzi li għamlet l-MTA permezz ta’ kampanji dwar Malta fl-istess pajjiżi.
Il-Polonja, ir-Repubblika Ċeka u l-Ungerija kollha rreġistraw żieda fis-sena 2016 meta mqabbel mas-sena 2015, bis-suq Pollakk ikun il-ħames l-ikbar suq għall-gżejjer Maltin. Din iż-żieda kompliet tul l-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena, b’żieda ta’ 66% ta’ turisti ġejjin mill-Polonja meta mqqabbel mal-istess perjodu tas=sena ta’ qabel. Is-suq mir-Repubblika Ċeka żdied b’72%, filwaqt li ż-żieda fit-turisti mill-Ungerija fl-2017 żdiet ukoll b’7% meta mqabbel mal-perjodu bejn Jannar u April tas-sena ta’ qabel.
Is-CEO tal-MTA, Paul Bugeja, sostna li “dan ir-riżultat pożittiv li nkiseb servew ta’ għajnuna għall-isforzi li saru biex intejbu id-diversifikazzjoni tas-swieq. L-MTA temmen li hemm fejn nikbru f’dawn is-swieq, b’mod partikolari tul ix-xhur fix-Xitwa. Ċerti li ż-żieda fit-turisti minn dawn il-pajjiżi se jkomplu jiżdiedu fis-snin li ġejjin.”
Intant stqarrija mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika wriet li f’Mejju li għadda, iż-żieda ta’ wasliet ta’ turisti meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena li għaddiet, kienet ta’ ħmistax punt wieħed fil-mija.
Fi kliem ieħor, f’Mejju kien stmat li daħlu pajjiżna mal-mitejn u għoxrin elf, disa’ mija u tmintax-il persuna.
Żieda ta’ tmienja u għoxrin elf, disa’ mija u wieħed u ħamsin persuna fuq il-mija u wieħed u disgħin elf, disa’ mija u sebgħa u sittin li ġew fl-elfejn u sittax.
Dawn il-wasliet wasslu biex bejn Jannar u Mejju ta’ din is-sena l-wasliet laħħqu kważi is-seba’ mija u erba’ u sittin elf persuna. Żieda ta’ dsatax punt disgħa fil-mija fuq l-istess ħames xhur tas-sena li għaddiet.
Dan b’numru ta’ ljieli li laħħaq kważi l-ħames miljuni, u b’nefqa totali li kważi laħħqet il-ħames mija u sittin miljun ewro. Żieda ta’ ħmistax fil-mija fuq l-elfejn u sittax.