Esponenti minn oqsma differenti tas-soċjetà b’appoġġ għal Chris Fearne – One News

Esponenti minn oqsma differenti tas-soċjetà b’appoġġ għal Chris Fearne

Alfred Zammit, Clint Bajada, Marc Sant u Maria Camilleri kienu l-personalitajiet li lbieraħ mexxew l-aħħar attività fil-kampanja tal-Ministru Chris Fearne, bħala kandidat għall-Deputat Mexxej għal-Affarijiet tal-Parlament tal-Partit Laburista.

Il-Kap ta’ ONE Radio Clint Bajada fakkar fi żmien fl-2008 fejn kemm hu, kif ukoll il-kirurgu tat-tfal Chris Fearne taw l-appoġġ tagħhom lill-kandidat għall-Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat. “Dak in-nhar kont fin-naħa t-tajba tal-istorja tal-Partit tagħna, din id-darba wkoll nixtieq inkun fuq in-naħa t-tajba tal-istorja, billi nappoġja lil Chris Fearne”,  qal Clint Bajada.

Il-ginekologu Mark Sant, ukoll flimkien ma’ Chris Fearne u Clint Bajada kien wieħed minn dawk li fl-2008 appoġġjaw li llum Prim Ministru Joseph Muscat. “Jien nemmen li dak in-nhar tajt il-kontribut tiegħi biex il-partit għażel l-aqwa Mexxejj li qatt seta jkollna. Illum qiegħed hawn biex mill-ġdid nagħti l-kontribut tiegħi biex għada nkun nista’ ngħid li jien ukoll tajt sehemi biex għandna l-aħjar għażla għal Deputat Mexxej tal-Partit Laburista,” qal Marc Sant.

Alfred Zammit isem popolari mas-semmiegħa u telespettaturi kollha ta’ ONE, tkellem fuq il-kwalitajiet li għandu jkollu Deputat Mexxej u l-kwalitajiet li għandu Chris Fearne. Huwa qal li Chris Fearne huwa politiku tal-poplu mhux imkabbar u li huwa ċert li bħala Deputat Mexxej se jibqa’ dejjem qrib in-nies u qrib id-delegati.

Min-naħa tagħha Maria Camilleri, waħda mill-ewwel uċuh femminili fil-Partit Laburista saħqet li Chris Fearne huwa l-aħjar għażla biex jaħdem spalla ma’ spalla mal-Prim Ministru Joseph Muscat, biex flimkien jibqgħu jwasslu għal aktar suċċessi għal Partit Laburista.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend