Mix-xena tad-delitt sal-analiżi xjentifika – One News

Mix-xena tad-delitt sal-analiżi xjentifika

  • NITKELLMU MA’ STUDENTA BL-ASPIRAZZJONI TA’ KARRIERA F’LABORATORJU

Ftit tal-jiem ilu l-Kumpanija BioDNA Laboratory services ħabbret li qed jistennew li salaħħar tas-sena jiġu akkredidati fuq livell internazzjonali għal testijiet tossikoloġiċi. Dr Marisa Cassar, id-Direttur ta’ BioDNA, spjegat li l-Gvern qed ikompli jinvesti fix-xjenza. Fil-fatt BioDNA llum qed tkompli timraħ u se tiġi akkreditata biex toffri servizzi oħra sa l-aħħar ta’ din is-sena.

“Dan iwassal biex aktar kumpaniji barranin jagħżlu dan il-laboratorju għal aktar kollaborazzjonijiet,” tenniet Dr Cassar. Laboratorji bħal dan jagħmlu xogħol siewi ħafna fil-qasam forensiku fejn joffru servizzi lill-Qrati Maltin bħal fid-determinazzjoni tad-DNA għal skopijiet forensiċi, testijiet fuq id-droga maqbuda mill-pulizija biex tiġi determinata l-kompożizzjoni u l-purità tagħha.

F’intervista, Jasmine Spiteri, studenta Universitarja li għadha kif temmet il-kors Bsc Biology & Chemistry u għadha kif bdiet taħdem fl-istess kumpanija, tgħid li minn dejjem xtaqet taħdem f ’laboratorju, speċjalment wieħed forensiku. Dan għaliex jogħġobha xogħol li jinvolvi esperimenti u li fl-istess ħin huwa bażi importanti tas-soċjetà u li jista’ jkun ta’ għajnuna kbira biex persuna tikseb ġustizzja. Hija stqarret li ma tħossx li l-Università toffri korsijiet speċifiċi għal dawk l-istudenti li jkunu interessati jidħlu fis-settur forensiku. Jista’ jagħti l-każ li hemm korsijiet relatati li joffru xi tip ta’ sfond tas-suġġett però mhux li jittrattaw dan is-suġġett biss. Ġeneralment min ikun jixtieq ikompli fuq din il-linja jkollu jagħmel Masters barra minn Malta.

Għaldaqstant, għalkemm il-korsijiet tal-bijoloġija u l-kimika, pereżempju, jispjegawlek it-teorija wara ħafna suġġetti differenti fil-qasam tax-xjenza, dan il-kors mhuwiex biżżejjed biex l-istudent ikun jista’ japplika dak li jkun tgħallem b’mod prattiku, speċjalment fid-dinja tax-xog- ħol. Ikun ħafna aħjar kieku l-istudenti jiġu offruti iktar placements jew internships matul il-kors apparti l-prattiċi normali. Ħafna mid-drabi jrid ikun l-istudent li jaqdef biex isib xogħol u jrid ikun imħarreġ sew mill-kumpanija li jissieħeb magħha biex ikun jist’a jsarraf dak li tgħallem.

Kuntatti preċendenti, bħal tutors tatteżi li jkollhom xogħol ieħor barra l-Università, jgħinu ħafna imma m’hemm l-ebda entità li tgħin biex l-istudent ikun ippreparat għax-xogħol. Spiteri tgħid li bla dubju l-fatt li l-Kumpanija BioDNA tagħmel anke testijiet għall-kumpaniji barranin jirrifletti l-livell għoli tax-xogħol imwettaq u tal-potenzjal kbir li din il-kumpanija għandha biex tkompli tikber. Jekk il-persuna tkun imħarrġa sew f ’din l-industrija, l-esperjenza li wieħed jikseb f ’postijiet tax-xogħol hawn Malta tippermetti li wieħed ikun jista’ jaħdem barra minn xtutna.

Prof. Emmanuel Sinagra Kap tad-Dipartiment tal-Kimika u Deputat Dekan saħaq li l-akkreditazzjoni internazzjonali hija pass importanti u għalhekk il-laboratorju tal-Università fl-analiżi tad-droga qed jaħdem għal din l-akkreditazzjoni. B’hekk ikollna wkoll ċertifikat estern li jgħid li aħna nkunu qed insegwu prattiċi tajba u kontinwità. Dan ma jfissirx li mingħajr l-akkreditazzjoni wieħed ma jkunx qed isegwi dawn il-prattiċi. Jista’ jkun ilkaż li laboratorju akkreditat ma jsegwix il-prattiċi tajba bejn spezzjoni u oħra. Sfortunatament huma ftit il-kumpaniji li qed jinvestu f ’dan is-settur.

Fl-opinjoni tiegħu “fir-rigward tal-analiżi, gradwati fix-xjenzi fejn l-analitika tispikka għandhom ikunu kapaċi li jaħdmu. Jien m’inix wieħed li nemmen li għandu jkollna speċjalizzazzjoni stretta fil-livell tal-baċellerat. Jiġifieri ma naħsibx li għandu jkun hemm baċellerat fil-forensika. Naħseb li hemm lok imma fejn ikun hemm xi kors multidixxiplinarju fil-livel avvannzat fejn xjenzati jitgħallmu naqra liġi u nies minn oqsma oħra bħal gradwati tal-liġi jitgħallmu kif jistgħu jinterpretaw xi riżultati xjentifiċi. Hemm ukoll lok li jkunu mgħallma prattiċi analitiċi moderni u li jintużaw barra minn Malta.” Bħalissa min irid isegwi xi programm ta’ studju barra minn Malta jew b’mod elettroniku f ’livell avvanzat, jista’ jagħmel dan billi jieħu jew borża ta’ studju mill-Gvern jew ikun megħjun bi krediti ta’ taxxa. Dan jgħodd għal studji forensiċi wkoll. Bħalissa qed naraw li żdiedu n-nies li jitgħallmu x-xjenzi imma minkejja dan, hemm nuqqas ta’ ħaddiema fil-qasam tal-analitika. Minkejja li d-Dipartiment tal-Kimika, li huwa l-Kap tiegħu, ipproduċa u għadu jipproduċi bosta gradwati li jistgħu jaħdmu fl-analitika, xorta waħda hemm nuqqas u bħal kull qasam ieħor, kumpaniji jimpjegaw ħaddiema barranin.

Dan huwa mertu ta’ tkabbir ekonomiku fil-pajjiż. Madanakollu ma jfissirx li fis-settur tal-forensika m’hawnx biżżejjed nies. Skond il-Professur Sinagra l-fatt li f ’Malta qed nattiraw testijiet minn kumpaniji barranin jista’ jgħin biex jagħmel dan il-qasam aktar sostenibbli.Il-Gvern investa fil-laboratorji forensiċi tal-Pulizija u fil-Malta Laboratories Network. L-isfidi li dan is-settur qed jaffaċċja jiddependu minn xi jkun hemm bżonn min-naħa tal-presekuzzjoni u tal-ġustizzja. Bħalissa l-identifikazzjoni ta’ drogi sintetiċi ġodda qed issir aktar u aktar importanti. “Hawnhekk l-irwol tad-Dipartimenti tiegħi bħala l-id xjentifika tal-focal point tal- European Monitoring Centre for Drugs and Drug Addiction (EMCDDA) hija importanti. Hemm sfidi teknoloġiċi wkoll. Naħseb li tkun diffiċli biex ikollna kull teknoloġija hawn Malta,” qal Sinagra

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend