Vincenti jqabbel l-embrijuni friżati ma’ skjavi tal-olokawst – One News

Notifiki

Vincenti jqabbel l-embrijuni friżati ma’ skjavi tal-olokawst

“In-nies aktar jinteressahom li jsalvaw il-ħamiem milli jsalvaw l-embrijuni.”

Dan kien kliem il-President tal-Fondazzjoni Gift of Life, Paul Vincenti, li qabbel l-embrijuni friżati mal-iskjavi tal-olokawst.

F’filmat li poġġa fuq facebook huwa esprima l-frustrazzjoni tiegħu li għalih in-nies ħolqu paniku dwar il-ħamiem u mhux dwar dak li sejjaħ bħala “theddida” tal-ħajja umana, b’referenza għall-iffriżar tal-embrijuni.

Huwa allega li l-Gvern jaħdem aktar favur id-drittijiet tal-annimali u li fejn jidħol l-IVF “jiena u inti nsiru xi ħaġa anqas mill-ħamiem.”

Dan b’referenza għal każ li seħħ fil-Birgu u f’numru ta’ lokalitajiet fejn il-Kunsilli Lokali ħassu l-bżonn li tittieħed azzjoni dwar l-popolazzjoni tal-ħamiem, azzjoni li ħolqot rabja fost in-nies u li l-Gvern indirizza b’mod immedjat. Iżda l-azzjoni tal-Gvern tidher li frustrat lil Paul Vincenti li poġġa l-ħamiem u l-embrijuni fl-istess keffa u għalhekk ħass li l-Gvern kellu jieħu azzjoni kontra l-IVF u l-iffriżar tal-embrijuni.

Iżda r-rabja għal kliem Vincenti kienet ikbar, bil-facebook dalgħodu huwa mixgħul b’kummenti kontra dak li qal f’dan il-filmat, li ġie ppubblikat mill-gazzetta The Malta Independent Fost oħrajn, kummenti minn ġenituri li llum huma ommijiet grazzi għall-IVF.

Fil-filmat tiegħu fuq facebook, huwa qal li l-maġġoranza tan-nies ukoll huma kontra l-iffriżar tal-embrijuni. Embrijuni li qabbel mal-iskjavi, “Din hija l-istorja tirrepeti ruħha. Din ġrat meta l-iskjavi kienu proprjetà tas-sidien tal-art.”

Iżda huwa kompla jżid li l-iffriżar tal-embrijuni huwa l-istess bħal olokawst li ħalla eluf ta’ nies mejta.

“Il-persuni li kienu fil-kampijiet ta’ konċentrazzjoni ma kienux trattati bħala umani. Se nerġgħu nirrepetu l-istess problema?”

Huwa temm il-messaġġ tiegħu b’appell għall-Membri Parlamentari, biex jibdlu fehmthom dwar l-IVF u l-iffriżar tal-embrijuni.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend