Notifiki

Rebħiet impressjonanti għal żewġ ċiklisti fit-tieni jum tar-Road Race 2017

Il-Kampjonat tar-Road Race organizzat mill-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu kompla nhar il-Ħadd 11 ta’ Ġunju 2017 bit-tieni tiġrija minn tlieta li saret fuq iċ-ċirkwit diffiċli Ta’ Penellu, l-Mellieħa. Keith Galea ta’ Birkirkara St. Joseph SC kiseb rebħa memorabbli fejn irnexxielu jispiċċa l-ewwel fil-Kategorija Elite. Birkirkara St. Joseph SC kisbu suċċess ukoll permezz ta’ Ivan Zammit fil-Kategirija tal-Masters 40+.

Keith Galea, ikkonferma l-forma ferm tajba tiegħu meta rebaħ il-Sprint finali fi tmiem is-seba’ laps ma’ Alexander Pettett ta’ Pro Action All Stars f’siegħa, 21 minuta u 24 sekonda, żewġ sekondi qabel l-istess Pettett u 18 il-sekonda qabel l-aħwa Christian u Maurice Formosa ta’ The Cyclist.

Il-Kategorija femminili kienet iddominat minn Michelle Vella Wood tat-Team Greens wara li kopriet il-ħames dawriet f’ħin impressjonanti ta’ f’siegħa, 6 minuti u 44 sekonda. Hija kisbet vantaġġ ta’ żewġ minuti u tlettax sekondi fuq Stephanie Alden ta’ The Cyclist (1: 08: 58.47) u tmintax minuti u sbatax sekondi fuq Marion Pullicino ta’ Mosta AF Sign Studio CC  (1: 25: 01.95) fil-klassifikazzjoni finali.

Nicholas Attard Montaldo ta’ The Cyclist kompla bid-dominanza tiegħu fil-Kategorija Juniors meta temm il-ħames dawriet tiegħu f’59 minuta u 51 sekonda. Ivan Zammit ta’ Birkirkara St Joseph SC kompla bl-isfida tiegħu għar-rebħa finali tal-Masters 40+ meta spiċċa l-ewwel b’vantaġġ ta’ minuta u 34 sekonda fuq Colin Tabone tat-Team Greens. Kenneth Zammit ta’ The Cyclist rebaħ l-4 dawriet tiegħu fil-Masters 50 + f’ħin ta’ 00: 52:41.41, filwaqt li Emmanuel Camilleri ta’ Mosta AF Sign Studio CC  spiċċa l-ewwel fil-Masters 60+ f’ħin ta’ 00: 54: 42.08.

Wara t-tiġrijiet, iċ-ċiklisti rebbieħa kollha kienu ppreżentati bil-medalji minn John Zammit u Joe Bajada, President u Segretarju Ġenerali tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu. It-tiġrija li jmiss hija t-tieni waħda tal-Kampjonat Nazzjonali Time Trial li ser issir nhar il-Ħadd 25 ta’ Gunju fl-Mtarfa.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend