Nhar il-Ġimgħa, 9 ta’ Ġunju 2017, il-Bank of Valletta organizza Kampanja Favur l-Għoti tad-Demm biex ifakkar il-Jum Dinji tad-Donaturi tad-Demm.
Matul it-tieni kampanja favur l-għoti tad-demm organizzata din is-sena, il-Malta National Blood Transfusion Mobile Unit kellha fluss kontinwu ta’ donaturi, b’44 impjegat u impjegata tal-BOV jagħmlu d-donazzjoni tagħhom.
“Il-kampanji favur l-għoti tad-demm saru avveniment regolari fil-kalendarju tal-avvenimenti għall-impjegati tagħna. Huwa inkoraġġanti tinnota li n-nies tagħna kull darba jieħdu sehem b’ċertu ħeġġa, u anke jsegwu huma stess biex jieħdu nota tas-sessjoni li jkun imiss,” qal Charles Azzopardi, Kap tal-PR u l-Marketing fil-Bank of Valletta. “Ftit ġranet qabel il-Jum Dinji tad-Donaturi tad-Demm, nixtieq nieħu din l-opportunità biex nirringrazzja lill-persunal tas-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm, għall-professjonaliżmu u x-xogħol tagħhom matul is-sena kollha.”
Tony Micallef, Infermier Prattikanti fin-National Blood Transfusion Unit irringrazzja lill-impjegati tal-Bank of Valletta għall-parteċipazzjoni tagħhom. “Id-domanda għad-demm hija waħda konsistenti,” huwa qal. “Malta hija waħda minn 62 pajjiż li jiġbru 100 % tal-provvista tad-demm tagħhom mingħand donaturi volontarji. Għalhekk, mhix sorpriża li l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tiċċelebra d-donaturi tad-demm madwar id-dinja bħala eroj, għaliex huma verament eroj.”
Micallef spjega li f’Malta, bħala medja hawn ħtieġa ta’ 50 borża demm kuljum, fost l-oħrajn biex tintlaħaq id-domanda għall-operazzjonijiet skedati u biex jiġu appoġġjati l-pazjenti tal-kanċer. Dan ifisser li medja ta’ 18,000 borża demm huma meħtieġa kull sena biex jiġu fornuti l-isptarijiet kollha f’Malta u f’Għawdex.
Hemm diversi modi kif wieħed jista’ jagħti d-demm. Wieħed jista’ jikkuntattja liċ-Ċentru Nazzjonali ta’ Malta tat-Trasfużjoni tad-Demm fuq in-numru tat-telefon 2206 6201, 7930 7307 jew permezz tal-posta elettronika fuq customercare.nbts@gov.mt. Hemm ukoll in-numru tal-freephone: 8007 4313.