Aktar forzi favur li Simon jibqa’ Kap – One News

Notifiki

Aktar forzi favur li Simon jibqa’ Kap

Il-President tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista Ann Fenech qalet f’intervista fuq The Times of Malta li huwa diffiċli għaliha li titkellem dwar il-kwalitajiet li għandu jkollu l-Mexxej ġdid tal-PN għaliex “Dr Busuttil għandu l-kwalitajiet kollha li nixtieq nara fil-Kap tal-PN.”

Ann Fenech kompliet iżżid li Busuttil huwa mexxej kbir li rnexxielu jimmobilizza in-nies fl-aħħar xahrejn. Tul l-intervista kompliet itenni li ma taqbilx mad-deċiżjoni li ħa l-poplu, li jeleġġi Gvern Laburista, dan minkejja li l-maġġoranza assoluta ivvottat lill-Partit Laburista.

Fl-intervista Ann Fenech ma lissnet ebda kelma dwar x’wassal għat-telfa tal-Partit Nazzjonalista u qalet li r-riżultat ma jitwemminx u allegat li l-Partit Laburista ‘xtara’ l-voti.

Ann Fenech kompliet isostni l-appoġġ tagħha għal Busuttil u din ma kinitx l-ewwel dikjarazzjoni ta’ deputati Nazzjonalisti li pubblikament qalu li għandu jibqa’ Simon Busuttil.

L-ewwel dikjarazzjoni saret minn Robert Arrigo fuq Facebook. Wara kitbet Claudette Buttigieg li f ’The Malta Independent qalet li m’hemmx alternattiva għal Simon Busuttil u eventwalment ingħaqad Jean Pierre Debono deputat ġdid u assistent segretarju ġenerali għal ħafna żmien. Dan kollu qed isir biex jiżdied il-moviment li jwassal biex Simon Busuttil jikkunsidra bis-serjetà li jagħmel dikjarazzjoni li se jibqa’ u li tmur kontra dak li qal.

Dan huwa kkonfermat ukoll minn The Malta Independent, li d-Direttur Maniġerjali tagħha Pierre Portelli qed jikkunsidra li jikkontesta għal Kap tal-Partit Nazzjonalista. Il-gazzetta qalet f’artiklu bit-titlu Simon Busuttil reconsidering Nationalist Party Leadership qalet li sorsi qrib tal-Partit Nazzjonalista qalu li Simon Busuttil qed jerġa’ jikkunsidra li jmur lura mir-riżenja tiegħu li ħabbar l-għada li l-poplu għażel lil Joseph Muscat bħala Prim Ministru.

Il-gazzetta kompliet tgħid li minkejja li Simon Busuttil għadu ma qalx pubblikament li jrid jerġa’ jikkontesta għal Kap tal-PN, persuni li huma qrib tal-Partit Nazzjonalista qalu li fid-Dar Ċentrali għaddejjin manuvri li juru li Busuttil irid jerġa jikkontesta. “Dan mhux qed jiġi nnutat biss fuq il-midja soċjali iżda anke fl-istrutturi tal-Partit Nazzjonalista.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend