“Il-poplu jtik fiduċja meta twieġeb għall-bżonnijiet u l-aspirazzjonijiet tiegħu” – LOUIS GRECH – One News

Notifiki

“Il-poplu jtik fiduċja meta twieġeb għall-bżonnijiet u l-aspirazzjonijiet tiegħu” – LOUIS GRECH

Dan il-baħar ta’ nies huwa xhieda ta’ fejn iħabbat il-polz tal-Maltin. Hekk beda d-diskors tiegħu d-Deputat Prim Ministru Louis Grech.

Baqa’ l-aħħar sforz, qal Grech. Ejja ma nitilfux dak li lkoll ħdimna għalih.

Nhar is-Sibt li ġej l-istess folla se tagħti mandat ieħor lil Joseph Muscat. F’dawn l-erba’ snin, l-avversarji tagħna pprovaw inisslu dubju. Kellhom kampanja twila ta’ erba’ snin ibeżżgħu fuq bailout u bozoz. Kellhom strateġija li toħloq tensjoni żejda fil-pajjiż.

Iżda wara kull maltempata, il-Partit Laburista dejjem ħareġ aktar b’saħħtu, aktar determinat, u b’aktar kuraġġ. U b’hekk il-Partit Laburista se jaffaċja lill-poplu nhar is-Sibt.

Saru żbalji u diżappunti. Imma l-miżien ixaqleb bil-bosta lejn it-tajjeb li twettaq. B’kuntrast mal-PN, il-PL ma jiġġustifikax in-nuqqasijiet tiegħu billi jtambar fuq l-affarijiet ħżiena li saru fi żmien ħaddieħor. Il-Partit Laburista jemmen li huwa l-poplu li jiddefinixxi x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. Il-Partit Laburista ma jemminx li huwa l-unika sors tal-verità. Jaf li huwa dover tiegħu jammetti meta jiżbalja. L-ebda Gvern qatt qabel ma poġġa lilu nnifsu taħt skrutinju fuq il-manifest elettorali tiegħu. Dan hu dak li jagħmel lill-Partit Laburista kredibbli.

Il-principji li jiddefinixxu Gvern Laburista huma ċari. Vot favur prinċipji bħall-ugwaljanza jfisser li wieħed irid jivvota Labour.

“Nafu li l-poplu jtik fiduċja meta twieġeb għall-bżonnijiet u l-aspirazzjonijiet tiegħu” qal Grech. Gvernijiet Laburisti dejjem għamel u aġixxa f’dak li huwa veru u ġust. Gvern Laburista kien, għadu u jibqa katalist tal-bidla.

“Ċert li ħafna jixtiequ pajjiż fejn il-ġlieda tkun fuq min għandu l-aħjar proposti, min se jkabbar l-ekonomija” żied jgħid, u qal li l-pajjiż għejja bil-politika ta’ spin. Il-poplu għandu l-istess tgħamiet, aspirazzjoni, ħolm u bżonnijiet.

Fadal xi jsir, spejga Louis Grech, fosthom aktar xogħol u nvestiment x’jinħoloq, u l-ħsieb li dejjem imur għand dawk il-vulnerabbli. Fadal xi jsir fejn jidħol l-ambjent u l-gvernanza.

Temm jgħid li kien privileġġ għalih jaħdem ma’ tim formidabbli mmexxi mill-Prim Minsitru. Imma qal li l-ikbar privileġġ kien li l-poplu fdah biex jirrappreżentahom.

“Inkomplu bil-vjaġġ tagħna” temm fost ċapċip kbir Louis Grech, fl-aħħar disors tiegħu bħala Deputat Prim Minsitru.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *