Fetħu l-applikazzjonijiet għall-Premju tal-President għall-Kreattività 2017 – One News

Notifiki

Fetħu l-applikazzjonijiet għall-Premju tal-President għall-Kreattività 2017

Fetħu l-applikazzjonijiet għall-Premju tal-President għall-Kreattività 2017 – fond b’element soċjali u komunitarju qawwi.  

L-edizzjoni ta’ din is-sena tinkludi fergħa ġdida ta’ €20,000 f’fondi addizjonali; permezz ta’ dan, benefiċjarji passati tal-Premju jistgħu japplikaw biex jirċievu aktar sapport għat-tkomplija tal-proġetti tagħhom fil-komunità.

L-ammont kommess għall-Premju ta’ din is-sena huwa €85,000. Kull proġett magħżul jista’ jingħata sa massimu ta’ €6,000, bil-possibilità li l-ammont jitla’ għal €8,000 f’każ ta’ kollaborazzjoni bejn żewġ organizzazzjonijiet. Il-Premju jista’ jkopri sa 100% tal-ispejjeż tal-proġett. Il-benefiċjarji tal-fergħa l-ġdida jistgħu jirċievu sa €5,000 kull sena, għal perjodu ta’ tlett snin.

Il-potenzjal tal-arti u l-kreattività fit-trawwim tal-bidla soċjali u kulturali u r-riġenerazzjoni kien muri u ppruvat f’numru ta’ kuntesti, fosthom dawk ikkaratteriżżati minn ambjenti ta’ sfida soċjali, il-faqar u l-esklużjoni. Din hija l-bażi tal-Premju tal-President għall-Kreattività.

Il-Premju tal-President għall-Kreattività jsir bil-għan li, fl-ogħla livell tal-istat, jindirizza, jagħti rikonoxximent u appoġġ lill-organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet, speċjalment dawk immirati lejn il-ħtiġijiet soċjali u l-wellbeing tal-komunitajiet u tas-setturi l-iktar vulnerabbli.

Fl-edizzjoni tas-sena li għaddiet, kienu magħżula total ta’ 10 proġetti minn 17-il applikazzjoni. Il-proġetti ttrattaw it-temi tal-vjolenza domestika fi proġett artistiku, iż-żgħar u l-anzjani fi proġett ta’ fotografija kif ukoll proġett ieħor viżiv li nvolva adoloxxenti mill-inħawi ta’ madwar il-Port il-Kbir.

Il-Premju tal-President għall-Kreattività huwa marbut mal-implimentazzjoni tal-miri tal-Kunsill hekk kif imfassla fl-Istrateġija 2020, b’enfasi partikolari fuq il-ħolqien ta’ aktar opportunitajiet biex in-nies jinvolvu ruħhom fil-ħajja kreattiva.

Il-Premju tal-President għall-Kreattività huwa kkoordinat mill-Kunsill Malti għall-Arti taħt il-Patroċinju tal-Eċċellenza Tagħha Marie-Louise Coleiro Preca, President ta’ Malta.

L-applikazzjonijiet jibqgħu jintlaqgħu mill-Kunsill Malti għall-Arti sal-25 ta’ Lulju f’nofsinhar. Il-linji gwida, ir-regolamenti u l-formola tal-applikazzjoni jistgħu jitniżżlu minn http://artscouncilmalta.org/funds/il-premju-tal-president-ghall-kreattivita. 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend