BIEGĦU SAĦĦITNA GĦAL €20 MILJUN | Agħfas hawn għal dokumenti esklussivi – One News

Notifiki

BIEGĦU SAĦĦITNA GĦAL €20 MILJUN | Agħfas hawn għal dokumenti esklussivi

Gvern Nazzjonalista biddel il-liġijiet ambjentali ta’ Malta,  biex il-Kumpanija BWSC tkun tista’ tiffranka €20 miljun billi tibni power station tħammeġ aktar, fabbrika tal-kanċer, bl-istandards tal-Afrika, f’Marsaxlokk.

Dan il-każ imur lura għall-aħħar amministrazzjoni tal-Partit Nazzjonalista iżda llum qed nippubblikaw dokumenti li qed jaraw id-dawl għall-ewwel darba u li juru kif direttament wara din id-deċiżjoni kien hemm kandidat ta’ Simon Busuttil fuq l-għaxar distrett.

Fil-fatt, dwar din l-għażla li saret ftit tas-snin ilu l-gazzetta KullĦadd żvelat li kien l-eks Ministru u deputat parlamentari tal-Partit Nazzjonalista George Pullicino li ddeċieda li l-liġijiet tat-tniġġis tal-arja f’Malta jinbidlu minn lejl għan-nhar sabiex il-BWSC tkun tista’ tirbaħ il-kuntratt tal-power station tal-heavy fuel oil f’Delimara.

L-Enemalta kienet opponiet b’saħħa t-talba tal-BWSC li l-liġijiet tal-ambjent jinbidlu biex Malta tkun tista’ tuża l-power station offruta mill-BWSC li tipproduċi aktar emissjonijiet u skart perikoluż minn teknoloġiji oħrajn li kien hawn fis-suq.

Iżda meta ndunaw li qed isibu oppożizzjoni, l-ogħla uffiċjali tal-BWSC, li fil-passat kienu implikati f’każijiet ta’ tħaxxim għall-kuntratti, talbu lill-Ministru George Pullicino u lis-segretarju permanenti tiegħu Chris Ciantar, sabiex jibdlu l-liġi mill-aktar fis biex il-BWSC tkun tista’ tiffranka €20 miljun billi tibni power station tniġġes aktar.

F’ittra lill-Ministru tal-Affarijiet Rurali u l-Ambjent George Pullicino fl-aħħar ta’ Novembru 2007, waqt li s-sejħa għall-offerti għal power station ġdida kien għadha miftuħa, id-Direttur tal-BWSC Martin Kok Jensen, jitolbu biex ibiddel il-liġi tal-ambjent sabiex il-Kumpanija tkun tista’ tiffranka €20 miljun fi spejjeż biex tnaqqas it-tniġġis:

F’ittra tal-BWSC lill-Ministru George Pullicino, inkiteb li bħala konsegwenza tal-liġijiet b’saħħithom fuq l-emmissjonijiet kienu se jonfqu €20 miljun iktar u għalhekk riedu li tittieħed deċiżjoni differenti.

Preċiżament inkiteb hekk: “As a consequence of the stricter emission limits a project with diesel engines will result in an additional cost of more than €20 million (sic)… we therefore recommend your esteemed Ministry to revise the emission requirements as stated in Invitation to Tender.

Fi kliem ieħor, kieku ma nbidlitx il-liġi, il-BWSC kien ikollha tonfoq €20 miljun oħra sabiex il-power station li bena l-Gvern Nazzjonalista tkun tista’ tilħaq il-livelli ta’ tniġġis baxxi aċċettabbli skont il-liġi Maltija. Madankollu, il-BWSC ma ridux jagħmlu dan u minflok talbu lill-Ministru jibdel il-liġi.

L-Enemalta opponiet bis-saħħa.

Meta l-Enemalta ġiet affaċċjata bit-talba tal-BWSC sabiex Malta tibdel il-liġi, l-ogħla uffiċjali tal-Enemalta taw parir lill-Gvern biex jibgħathom jixxejru. F’Diċembru 2007, f’ittra urġenti lill-Uffiċċjal Kap Eżekuttiv tal-Enemalta, ic-Chief Technical Officer l-Inġinier Peter Grima, jinsisti li l-liġi m’għandhiex tinbidel biex f’Malta ndaħħlu power station ta’ livelli mill-aktar baxxi. Fil-fatt, iqabbel it-teknoloġija tal-BWSC bħala waħda li hi irħisa iżda li hi “tajba għall-Afrika” mhux għal Malta:

F’memo interna tal-2007, l-Inġinier Peter Grima kiteb hekk:

This bidder [BWSC] seems to think that they can offer any type of plant, operating without limits or within their selected limits and that we will operate it in defiance of the law (and Malta’s EU and international obligations). Any such plant will rightly not be given a permit to operate by MEPA and should Malta proceed in this way it will be subject to infringement proceedings.  It is true that a diesel engine working to marine or ‘World Bank’ standards (applicable to Africa) will be less costly to run, but this is not an option for us.”

L-Enemalta tant inkwetat bil-pressjoni li kienet qed tagħmel il-BWSC fuq il-Gvern Nazzjonalista, li l-avukati tagħha saħansitra talbu li d-dikjarazzjoni tal-Inġ. Grima għandha tintbagħat “lill-Ministeri kollha konċernati” u lid-Dipartiment tal-Kuntratti sabiex żgur jiġi evitat li tinbidel il-liġi. Enemalta ddeċidiet ukoll li twieġeb lill-BWSC u tgħidilha li t-talbiet tagħha biex tinbidel il-liġi tal-kwalità tal-arja ta’ Malta sabiex tinbena power station tniġġes aktar, ma kinux aċċettabbli għal pajjiżna.

Iżda l-Ministru Pullicino fl-4 ta’ Jannar ħareġ avviż legali li permezz tiegħu bidel il-liġi biex f’Malta jkunu jistgħu jinbnew power stations li jħammġu aktar. F’nofs il-proċess tas-sejħa għall-offerti l-Enemalta għalhekk bidlet it-termini tat-tender sabiex il-BWSC setgħet titfa’ l-offerta għall-power station tagħha, il-fabbrika tal-kanċer “bl-istandards applikabbli għall-Afrika”.

Ħaġa tal-iskantament, meta jagħlqu l-offerti fl-2008, il-BWSC tirbaħ il-kuntratt hekk kif titfa’ offerta biss €3 miljun inqas mit-tieni l-irħas offerta. Kieku l-Ministru George Pullicino ma bidilx il-liġi, l-offerta tal-BWSC kienet tkun tkun €20 miljun aktar u l-Enemalta kienet tagħżel power station tniġġes inqas, lesta biex taħdem bil-gass naturali.

Gvern Nazzjonalista biegħ il-kwalità tal-arja f’Malta, biegħ is-saħħa tal-poplu Malti sabiex il-Kumpanija Daniża BWSC tiffranka €20 miljun.

L-istess nies li ħadu dawn id-deċiżjonijiet kontra s-saħħa tal-poplu fl-2008 għadhom imexxu l-Partit Nazzjonalista llum. Simon Busuttil ma qabilx mal-proġett tal-Gvern Laburista li jwaqqaf darba għal dejjem l-użu tal-heavy fuel oil f’pajjiżna. Ma qabilx mal-proġett b’investiment ta’ mijiet ta’ miljuni mis-settur privat. Ma qabilx li l-power station tal-BWSC ma tibqax fabbrika tal-kanċer iżda tibda taħdem bil-gass li jniġġes inqas, kif riedu l-inġiniera tal-Enemalta fl-2007 qabel indaħal il-Ministru Pullicino biex jagħti palata lill-BWSC.

L-esponenti tal-Partit Nazzjonalista qed jgħidulna li, li kien għalihom jibqgħu jaħarqu l- heavy fuel oil “fil-power station tal-Afrika” għal 20 sena oħra. Simon Busuttil saħansitra jgħid li l-BWSC kienet għażla tajba u jipprova jgħid li kien bis-saħħa tagħha li roħsu t-tariffi tal-enerġija.

L-esperjenza turi li Simon Busuttil fil-Gvern jerġa’ jreġġa’ l-arloġġ lura, nerġgħu nibdew nużaw il-heavy fuel oil , nerġgħu nibdew inħammġu l-arja u nżidu l-problemi tas-saħħa. Gvern Nazzjonalista ta lil Malta fost l-ogħla tariffi fl-Ewropa u wikka lil Marsaxlokk b’power station “tajba għall-Afrika”. Gvern Laburista raħħas il-prezzijiet b’25%, waqqaf l-użu tal-heavy fuel oil wara 80 sena u ta lir-residenti tan-Nofsinhar ta’ Malta arja ferm aktar nadifa.

Ta’ QabelLi Jmiss
F’dan il-blog Aleander Balzan se jkun qiegħed jikteb ħsibijietu dwar temi differenti li jkunu għaddejjin f’pajjiżna; mill-politika għal temi soċjali u oħrajn kontroversjali. Min jaf lil Aleander jaf li huwa dritt għal punt u dak li għandek tistenna f'dan l-ispazju. Huwa gradwa fl-Istudji Ewropej, il-Komunikazzjoni u l-Politika mill-Università ta’ Malta

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend