Terz tal-ikel dinji jintrema; is-Soċjalisti u Demokratiċi bi proposti ġodda – One News

Notifiki

Terz tal-ikel dinji jintrema; is-Soċjalisti u Demokratiċi bi proposti ġodda

Il-Parlament Ewropew approva proposti progressivi li tressqu mis-Soċjalisti u Demokratiċi, bl-għan li tnaqqas bin-nofs il-ħela tal-ikel sal-2030. Il-proposti jinkludu t-tneħħija ta’ restrizzjonijiet eżistenti fuq donazzjonijiet tal-ikel, tifsira aktar ċara dwar il-marki ‘best before’ u ‘use by’, u suq għal frott u ħxejjex li jintremew minħabba raġunijiet estetiċi.

Il-proposti, li ġew approvati b’623 vot favur, 20 kontra u 33 astensjonijiet, tressqu fid-dawl li hu stmat li madwar terz tal-ikel dinji qed jintilef fil-proċess tal-produzzjoni tal-ikel.

Il-kelliema tas-Soċjalisti fuq l-Ambjent Miriam Dalli qalet li l-ammont ta’ ikel li qed jintrema u jinħela hu skandaluż.

‘Qed nitkellmu fuq kważi 170kg ta’ ikel moħli minn kull persuna fl-Ewropa fis-sena. Din mhix kwistjoni politika biss iżda wkoll morali. L-Unjoni Ewropea għandha d-dover li taġixxi. Kull wieħed u waħda minnha jrid ikun proattiv u mhux jistenna lil haddiehor jiehu azzjoni,’ qalet l-MEP Maltija.

Miriam Dalli ssuktat tgħid li m’hi xejn għajr inġustizzja l-fatt li ħwienet tal-ikel, tal-ħaxix, fabbriki, rziezet u anke fid-djar tagħna qed jintrema ikel li fil-maġġor parti hu tajjeb biex jittiekel. ’Mhux aċċettabli li għax frotta ma tkunx tal-qies jew forma perfetta tintrema.

Lanqas li nagħmlu ostakli biex l-ikel jingħata bħala donazzjoni. Kull wieħed u waħda minnha tista tnaqqas din il-ħela billi nbiddlu l-attitudnijiet tagħna. Wara kollox, biex nipproduċu l-ikel qed neqirdu foresti, nipproduċu emissjonijiet, nużaw l-ilma u nilħqu l-limiti ekoloġiċi tal-pjaneta tagħna,’ temmet tgħid l-MEP Laburista.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend