Fil-Palazz, Il-Belt Valletta, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca, għamlet rimarki tal-ftuħ waqt it-tielet konferenza dwar il-kundizzjoni coeliac, organizzata mill-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà, flimkien ma’ Narrative Structures, u l-Ambaxxata Taljana f’Malta.
Din il-konferenza, bl-isem ta’ ‘Coeliac Disease, and quality of life’, kienet indirizzata mill-Professoressa Carolina Ciacci, mill-Università ta’ Salerno. Fil-kummenti tagħha, il-President Coleiro Preca qalet li f’Malta hawn madwar 1,500 persuna rreġistrati bil-kundizzjoni coeliac, filwaqt li appellat lill-awtoritajiet f’Malta biex tinbeda sistema ta’ screening għall-kundizzjoni coeliac. Hija qalet dan fid-dawl tal-fatt li ħafna persuni f’Malta jiġu dijanostikati bil-kundizzjoni coeliac fl-età adulta tagħhom, wara li jkunu ilhom isofru mill-kundizzjoni għal ħafna snin.
“B’dan il-mod,” qalet il-President, “inkunu qed nidħlu, mhux biss fl-informazzjoni, fl-edukazzjoni u fl-għarfien, imma wkoll fil-prevenzjoni ta’ dawn it-tip ta’ kundizzjonijiet.” Il-President rringrazzjat lill-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà u lil Narrative Structures, li, flimkien mal-Ambaxxata Taljana f’Malta, żammew l-appuntament, għat-tielet sena konsekuttiva, biex permezz ta’ din il-konferenza “nkunu nistgħu nkomplu nkabbru l-għarfien dwar din il-kundizzjoni.”
Ritratti: OPR