Għexieren ta’ studji mediċi u akkademiċi juru li eżerċizzju regolari jħalli effetti pożittivi fuq is-saħħa fiżika u mentali ta’ persuna. Dan hu iktar evidenti u importanti fil-kaz tal-adulti. Madankollu, kulħadd jaqbel li fil-każ tal-eżerċizzji fiżiċi l-ewwel passi huma l-aktar iebsa.
Olena Sammut, il-Kowċ tal-Adult Fitness ma’ #OnTheMove, qalet: “Ċertu nies isibuha diffiċli li jibdew programm ta’ eżerċizzju fuq bażi regolari. Minħabba raġunijiet differenti, ma jkunux jafu minn fejn ser jibdew. Li tagħmel eżerċizzji flimkien ma’ grupp hu mod ideali għal min ikun għadu fil-bidu għaliex isib dik il-motivazzjoni u ħeġġa li jkun hemm bżonn. Il-fatt li tkun qed tara l-instructor u l-parteċipanti sħabek qed jagħmlu work out għandu jipprovdi biżżejjed motivazzjoni biex persuna tkompli s-sessjoni sal-aħħar.”
“Li żżomm l-appuntament tiegħek mal-eżerċizzju fuq bażi regolari hu kruċjali għas-saħħa fiżika u mentali. Ġħal dawk li jsibuha diffiċli li jagħmlu dan, il-klassijiet tal-eżerċizzju huma l-aħjar għażla. Hawnhekk, filwaqt li persuna tkun qed tieħu gost, tispiċċa tinsa li qed tagħmel eżeċizzju u u tkun qed tagħmel ġid kbir lilha nifisha. Fl-aħħar mill-aħħar, il-benefiċċji fuq is-saħħa huma sorpriza sabiħa,” żiedet tgħid.
Il-programm tax-xitwa – #OnTheMove jorganizza l-klassijiet tal-Adult Fitness f’għadd ta’ Kumplessi Sportivi, fosthom tal-Kottonera, il-Marsa, Tal-Ħandaq, Tal-Qroqq, Pembroke u Ħal Kirkop. Is-sessjonijiet tat-taħriġ huma maħsuba biex isiru fl-istess ħin li t-tfal ikunu qed jitħarrġu fl-isport favorit tagħhom. B’hekk qed tingħata opportunità perfetta biex il-ġenituri u l-adulti jkun jistgħu jinkitbu f’dawn il-klassijiet ta’ eżerċizzju.
Il-programm tax-xitwa #OnTheMove hu organizzat minn SportMalta u sponsorjat minn Kellogg’s, l-ikbar produttur taċ-ċereali tal-kolazzjoni fid-dinja.
Il-parteċipanti tal-programm tax-xitwa #OnTheMove qed jippreparaw għall-attività annwali tagħhom ta’ tmiem is-sena. Għal aktar tagħrif wieħed jista’ jżur is-sit ta’ SportMalta www.sportmalta.org.mt jew jikkuntattja lis-Sezzjoni tal-Programmi fl-Uffiċċju Ewlieni ta’ SportMalta fuq in-numru tat-tel. 2203 6000.