ĦALLIEL, KORROTT JEW IT-TNEJN!? – One News

Notifiki

ĦALLIEL, KORROTT JEW IT-TNEJN!?

Għandi mistoqsija li nixtieq nagħmilha lill-Imħallfin kollha, lill-Maġistrati kollha, u lill-avukati kollha.  Ovvjament ma nistennix tweġiba mill-Imħallfin, u lanqas mill-Maġistrati, għax dawn m’għandhomx jidħlu f’xi polemika, għalkemm hawn min ma jiddejjaq xejn jistedinhom jidħlu, sakemm, ovvjament, ikun jaqbel lilu.  Imma nistenna tweġiba mill-avukati.  Hu x’inhu l-kulur politiku tagħhom.  U, ovvjament, anke mingħand dawk l-avukati li m’għandhomx kulur politiku.  Għax jien m’inhix Simon Busuttil u nemmen li jew għandek wiċċek ‘blu’ jew wiċċek ‘aħmar’.

U l-mistoqsija x’inhi?  X’jissejjaħ bniedem li jikser xi liġi, tkun xi tkun il-liġi, biex jakkwista flus? Jissejjaħ ħalliel? Jissejjaħ korrott?  Jew it-tnejn, jiġifieri ħalliel u korrott?

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil poġġa fuq mejda ma’ tad-DB Grupp u talabhom jagħtuh €70,000 fis-sena biex ikun jista’ jħallas is-salarji tas-segretarju ġenerali u tal-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlenin.  Meta tad-DB grupp qalulu ‘mhux problema’, Simon Busuttil kien pront qalilhom li dan ikun ifisser ksur tal-liġi tal-finanzjament tal-partiti.

Tad-DB qalulu:  Allura x’se nagħmlu?

U Simon Busuttil pront qalilhom:  Tikkonfundux.  Niffalsifikaw invoices, (li għalija huma dokumenti) biex taparsi qegħdin tħallsuna ta’ riklami – imbagħad ħallu f’idejja.

Ovvjament, Simon Busuttil kellu f’moħħu li kollox kien se jibqa’ mistur.  Kollox kien se jibqa’ midfun. Imma kif inkixef kollox, Simon Busuttil inqabad fuq sieq waħda. L-ewwel qal li kien se jmur quddiem il-Kummissjoni Elettorali u jiddefendi l-pożizzjoni tiegħu – għax m’għandu xejn x’jaħbi – u mbagħad beda jagħmel minn kollox biex ma ssir l-ebda investigazzjoni dwar dak li kien ftiehem mad-DB Grupp – jiġifieri biex tinkiser il-liġi tal-finanzjament tal-partiti.

Il-mistoqsija tiġi waħidha:  Għalfejn Simon Busuttil mar il-Qorti biex iwaqqaf l-investigazzjoni tal-Kummissjoni Elettorali? Biex ma ngħidux li hu ħalliel?  Biex ma ngħidux li hu korrott? Jew biex ma ngħidulux it-tnejn li huma!

Ta’ QabelLi Jmiss
Felix Agius twieled fil-21 ta’ Marzu, 1948. Studja fl-Iskola Primarja ta’ Ħaż-Żabbar, imbagħad kompla l-edukazzjoni sekondarja u terzjarja fil-Liċeo tal-Ħamrun. Aktar tard kiseb diploma fil-Ġurnalizmu mill-International Institute of Journalism ta’ Berlin. Agius beda l-karriera fil-ġurnalizmu madwar 50 sena ilu, meta ngħaqad mal-ġurnal tal-Partit Laburista ‘Iż-Żmien’ li kien jinħadem u jkun stampat fil-Freedom Press. Wara huwa ingħaqad mal-Union Press bħala sub-editor mal-ġurnal bl-Ingliż ‘Malta News’. Għamel xi żmien fid-Dipartiment tal-iSports qabel fl-1981 inħatar editor tal-ġurnal ‘l-Orizzont’. Dam f’din il-kariga aktar minn 11-il sena, għax fis-sena 1993 huwa ingħaqad mal-gazzetta ‘KullĦadd’, (ukoll tal-Partit Laburista) bħala Editur Eżekuttiv, liema kariga dam jokkupaha sakemm irtira mix-xogħol disa’ snin ilu.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend