“Aħna dejjem għażilna n-nies qabel il-flus” – JM – One News

Notifiki

“Aħna dejjem għażilna n-nies qabel il-flus” – JM

“Gvern Laburista dejjem għażel in-nies qabel il-flus, aħna dejjem lesti li naqilgħu inqas flus iżda nassiguraw li nneħħu l-periklu minn nofs in-nies.”

Dan qalu l-Prim Ministru u Mexxej Laburista b’referenza għax-xogħlijiet fuq l-ewwel fażi ta’ żarmar biex is-sit tat-tankijiet tal-fuel tal-31 ta’ Marzu f’Birżebbuġa titnaddaf darba għal dejjem.

Fl-indirizz tiegħu taħt it-tinda fil-Kalkara, Joseph Muscat saħaq li n-Nofsinhar ta’ Malta huwa daqs l-inħawi kollha tal-pajjiż u “mhux il-miżbla tal-pajjiż.”

Il-Prim Ministru tenna li għal Gvern Laburista ċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżna huma kollha ndaqs.

B’referenza għal dak li qal Simon Busuttil dwar in-nies tan-Nofsinhar, Joseph Muscat tenna li kulħadd għandu problemi f’dan il-pajjiż u li m’hemm ebda differenza bejn in-nies tan-Nofsinhar u t-tramuntana ta’ Malta.

Is-sit tat-tankijiet tal-fuel ilu jopera mill-1920 u għal ħafna snin kien ta’ detriment għar-residenti u dawk li jgħixu fil-madwar. Il-Prim Ministru Joseph Muscat ddeskriva li dan il-pass huwa wieħed importanti mmens għan-nies ta’ Birżebbuġa għaliex dak li għal snin twal kien maħsub impossibbli sar.

Dan juri l-kredibilità ta’ dan il-Gvern li dak li jwiegħed, iwettqu. Fil-fatt, il-Prim Ministru għamel referenza għad-differenza bejn Gvern Laburista u l-Oppożizzjoni dwar dawk li huma ‘prinċipji’.

“Sena ilu, Simon Busuttil għamel kruċjata u għamel minn kollox biex ifixkel il-programm ta’ ċittadinanza b’investiment. Issa l-prinċipju ta’ Simon Busuttil spiċċa u qal li dan il-programm se jkun qed iżommu. Aħna mhux bħal Kap tal-Oppożizzjoni, aħna konsistenti u dan il-programm għamilnih biex nagħmlu l-ġid u permezz tiegħu se nkomplu nagħmlu l-ġid mhux biss għal uliedna iżda għal ulied, uliedna,” spjega l-Prim Ministru.

Fakkar li ntużaw biss 30% mill-fondi ġġenerati minn dan il-programm ta’ ċittadinanza li 70% oħra ta’ dan l-investiment se jkunu qed imorru biex fost oħrajn, isiru t-toroq ta’ pajjiżna kollha fi żmien seba’ snin.

Iżda, fi kliem il-Prim Ministru, il-bidla fil-prinċipji ta’ Simon Busuttil tidher ukoll fid-deċiżjonijiet li qed jieħu. B’referenza għall-Frodi PN,  li permezz tagħha wieħed mill-istrateġisti ewlenin tal-Partit Nazzjonalista, fost oħrajn, qed jitħallas permezz tal-iskema frodi minn fondi tal-Parlament Ewropew li jħaddem il-Partit Nazzjonalista taħt it-tmexxija ta’ Simon Busuttil. Fakkar fl-iskema pagi PN u fl-invoices foloz li jmorru kontra l-liġi tal-finanzjament tal-partiti daħħal Gvern Laburista.

“Dan juri kemm ħaddieħor huwa ipokrita, meta hu fl-Oppożizzjoni mar kontra l-liġi tal-finanzjament tal-partiti, mar kontra r-regoli Ewropej u kien jaf li qed jiġu frodati flus tal-Unjoni Ewropea u ordna li jinħarġu invoices foloz,” spjega l-Mexxej Laburista.

Huwa temm jgħid li min-naħa l-oħra, Gvern Laburista daħħal il-protezzjoni tal-whistleblowers, daħħal il-finanzjament tal-partiti politiċi u daħħal liġi fuq il-politiċi kollha li ebda Gvern qatt ma daħħal qabel. Il-Prim Ministru qal li b’din il-liġi jgħaddu kemm jgħaddu snin, jekk xi darba ikun hemm xi politiku li nqabad li nsteraq, jitla’ l-Qorti u jeħel.

“Jien għandi kuxjenza nadifa, għax jiena din il-liġi ma tbeżżani xejn.” 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend