B’Busuttil fit-tmun, it-tbassir tal-Kummissjoni Ewropea jista’ jisfa fix-xejn – One News

Notifiki

B’Busuttil fit-tmun, it-tbassir tal-Kummissjoni Ewropea jista’ jisfa fix-xejn

It-tbassir li għamlet il-Kummissjoni Ewropea għal pajjiżna huwa xhieda li l-proposti li għamel u wettaq il-Partit Laburista wasslu għas-suċċess. Iżda jekk wieħed jagħżel li jbiddel ir-rotta, dan kollu jista’ jintilef.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Edward Scicluna spjega li t-tbassir li għamlet l-Kummissjoni huwa wieħed aktar pożittiv minn ta’ qabel. Dan it-tbassir juri li t-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna qed ikompli jiżdied u l-qgħad qed ikompli jinżel.

“It-tbassir juri li Malta għandha tkabbir ekonomiku b’saħħtu li se jibqa’. Dan m’huwiex tkabbir momentarju iżda huwa riżultat ta’ investiment qawwi li qed iwassal għal aktar tkabbir,” spjega l-Ministru. 

 

Il-Ministru tenna li meta wieħed jara dan it-tbassir pożittiv wieħed irid jaħseb x’wassal għal dan it-tkabbir u jekk iridx li jbiddel ir-rotta.

“Quddiemna, issa għandna żewġ partiti li qed iressqu l-proposti u dawn jeħtieġ li jittieħdu bis-serjetà. Min jinteressah mill-ekonomija tal-pajjiż u x-xogħol għandu jistudja bir-reqqa dawn il-wegħdi. Gvern Laburista dejjem addotta politika ċara favur ix-xogħol u fil-budgets dejjem rajna li mhux nagħtu l-benefiċċji biss iżda li nixprunaw ix-xogħol.”

B’referenza għall-proposti ta’ Simon Busuttil, il-Ministru stqarr li mill-miżuri bħal dawk tac-childcare u t-tapering tal-benefiċċji, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista ma tgħallem xejn.

“Childcare b’xejn għal kulħadd biex iħeġġu n-nisa joqogħdu d-dar flok jaħdmu? Dwar il-pensjonijiet għamluhom il-kalkoli? Ma naħsibx, għax meta wieħed jikkalkula l-proposta ta’ Simon Busuttil jinduna li mhux costed.”

Għalhekk, il-mistoqsija hi jekk dawn il-proposti se jkompli jżiedu t-tkabbir jew se jbiddlu r-rotta?

Min-naħa tiegħu, s-Segretarju Parlamentari Ian Borg qal li lejliet l-elezzjoni ġenerali qed nitkellmu dwar dawn is-suċċessi li rnexxilu jikseb il-Gvern ta’ Joseph Muscat meta fl-aħħar elezzjoni ġenerali l-Partit Nazzjonalista qal li kellna nmorru għal bailout.

“Dan kollu jista’ jintilef jekk issir għażla ħażina fit-3 ta’ Ġunju. Meta kien Viċi Kap, Simon Busuttil qalilna li dawn il-miżuri li wasslu għal dan is-suċċess mhux se jaħdmu,” spjega Ian Borg. 

Iżda s-Segretarju Parlamentari qal li llum Simon Busuttil ħabbar proposti li qas hu stess ma’ jaf kif se jaħdmu u li se jagħti dettalji dwarhom 100 jum wara l-elezzjoni.

B’referenza għall-proposti ta’ Busuttil, fosthom dawk tac-childcare, Għawdex u pensjonijiet, Borg sostna li dawn juru li l-Oppożizzjoni qed “tiproġetta li tkisser is-suċċessi kollha li nbnew.”

Għalhekk, fi kliem is-Segretarju Parlamentari, l-għażla hija ċara li jekk wieħed irid ikompli li pajjiżna jkompli bis-suċċessi li rrimmarkat il-Kummissjoni Ewropea għandu jagħżel il-kredibilità u l-proposti ta’ Joseph Muscat. 

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend