Louis Grech mhux se jikkontesta l-elezzjoni ġenerali, jgħid li “l-PL l-unika għażla” – One News

Notifiki

Louis Grech mhux se jikkontesta l-elezzjoni ġenerali, jgħid li “l-PL l-unika għażla”

Id-Deputat Prim Ministru Louis Grech mhux se jerġa joħroġ għall-elezzjoni ġenerali.

Qal dan il-Prim Ministru Joseph Muscat. Qal li għamel l-għażliet personali li għażel li kellu jagħmel fil-fażi tal-ħajja li jinsab fiha.

Louis Grech se jibqa’ fil-kariga sal-aħħar ta’ din il-leġiżlatura. Se jibqa’ jservi ta’ konsulent u jattendi l-laqgħat tal-Kabinett tal-Ministri, jekk il-PL jerġa’ jitla’ fil-Gvern.

“Tkun taf meta jkun żmien li trid tagħlaq kapitlu fl-istorja ta’ ħajtek” qal Grech, filwaqt li qal li dan il-kapitlu kien mill-isbaħ.

Illejla fl-Iklin Grech qal li qatt fl-istorja tal-pajjiż ma kien hemm Gvern li wettaq daqshekk proposti u miżuri daqs dan il-Gvern Laburista, u ssottometta lilu nnifsu għal skrutinju biex jiżgura li dak li wiegħed wettqu. “M’hemm ebda gomma li se tħassar dak li wettaqna f’dawn l-erba’ snin” qal Grech. Żgura lil dawk preżenti li se jkun preżenti fil-kampanja. Qal li huwa Gvern Laburista li Malta għandha bżonn u li se jkompli jiggarantixxi l-aqwa żmien ta’ pajjiżna.

Tkellem dwar il-prinċipji tal-ugwaljanza, il-ġustizzja soċjali, l-opportunitajiet għal kulħadd u qal li dawn huma dawk il-prinċipji li ħaddan Partit Laburista, u dawn jagħluh kredibbli. 

Grech għandu storja sabiħ fil-politika. Kien elett ghall-ewwel darba fil-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Laburista fl-2004 u kien ri-elett fl-2009. Fil-Parlament Ewropew serva bħala viċi chairman fil-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monitarji, membru tal-Kumitat dwar il-Baġits, membru tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali; membru tal-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja fost oħrajn. 

Fl-2006, Grech kien appuntat rapporteur fuq il-Kumitat tal-Baġits u kien responsabbli mit-tfassil tal-Baġit tal-EU tal-2007. Grech kien mogħti l-premju “Best Maltese MEP” fl-2006. F’Diċembru 2012 Louis Grech tefa’ n-nomina għall-kariga ta’ deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament tal-Partit Laburista u nhar it-13 ta’ Marzu 2013 huwa nħatar Deputat Priministru u Ministru għall-Affarijiet tal-Unjoni Ewropea fil-Gvern Laburista li tela’ fl-Elezzjonijiet Ġenerali 2013.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend