Il-President tal-Kroazja tinsab Malta fuq żjara statali – One News

Il-President tal-Kroazja tinsab Malta fuq żjara statali

Il-President tal-Kroazja Kolinda Grabar-Kiarović illum bdiet bl-ewwel żjara statali tagħha f’Malta fejn bdiet bl-ewwel laqgħat mal-President ta’ Malta, Marie Louise Coleiro Preca. Wara taħdidiet bilaterali iż-żewġ Presidenti indirizzaw konferenza tal-aħbarijiet fil-Palazz tal-Granmastru fil-Belt Valletta.

Kienu t-tnejn li huma li saħqu dwar kif il-mara għandha sehem kbir u importanti fejn tidħol il-paċi fl-Unjoni Ewropea u fid-dinja.
Il-President tal-Kroazja faħħret ħafna ix-xogħol li qed jitwettaq fil-Presidenza Maltija u stqarret li tittama li fl-2020, meta jkun imiss lill-Kroazja fil-Presidenza, jimxu fuq il-passi ta’ Malta u jitgħallmu minn kif mexa l-pajjiż tagħna fil-Presidenza. Kemm mill-aspett politiku u anke dak loġistiku.

Il-President ta’ Malta tkellmet dwar ir-relazzjonijiet b’saħħithom bejn iż-żewġ pajjiżi li huma riflessi, fost l-oħrajn, fid-diskussjonijiet li saru f’April li għadda bejn il-Ministri tal-Affarijiet Barranin u f’Marzu li għadda bejn il-Prim Ministri taż-żewġ pajjiżi rispettivi fost l-oħrajn dwar il-futur tal-UE.
Marie Louise Coleiro Preca qalet li relazzjonijiet diplomatiċi bejn Malta u l-Kroazja bdew fl-1992 fejn din ir-relazzjoni kompliet tissaħħah wara li l-Kroazja ssieħbet fl-UE fis-sena 2013.

Grabar-Kiarović se jkollha żjarat ta’ kortesija mill-Prim Ministru Joseph Muscat u mill-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia tul ż-żjara statali.

L-impenji tal-President tal-Kroazja se jeħduha wkoll fiċ-Ċentru tal-Familja f’Ħal Far, fejn se żżur familji ta’ immigranti, kif ukoll diversi postijiet ta’ interess storiku u kulturali.

Ritratti: DOI
Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend