Il-piż tal-basktijiet, il-homework u s-sillabu fost il-wegħdi tal-Partit Laburista – One News

Il-piż tal-basktijiet, il-homework u s-sillabu fost il-wegħdi tal-Partit Laburista

“F’dawn l-erbà snin dan il-Gvern bena fuq il-pedamenti li kien hemm fis-sistema edukattiva, iżda għamilna qabża kbira fil-kwalità, mhux biss fil-qasam infrastrutturali iżda ukoll fl-esperjenza edukattiva”  – Joseph Muscat

Dan qalu l-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat f’konferenza tal-aħbarijiet li matula flimkien mal-Ministru għall-edukazzjoni Evarist Bartolo ġiet spjegata fid-detall il-viżjoni tal-Partit Laburista fil-qasam edukattiv.

Joseph Muscat spjega li f’dawn l-erbà snin saret revoluzzjoni silenzjuża b’numru ta’ inizjattivi li waslu biex jagħmlu differenza kbira fil-ħajja tat-tfal. Fost oħrajn is-sistema ta’ co-education li fi kliem il-Prim Ministru ħalliet riżultati pjuttost tajbin fejn subien u bniet qegħdin jitgħallmu flimkien.

“Ftaħna ukoll pathways alternattivi, u urejna l-istudenti li mhux bilfors għandhom triq waħda biex tikseb suċċess iżda introduċejna ukoll pathways differenti li permezz tagħhom salvajna għexieren ta’ tfal,” spjega l-Mexxej Laburista li kompla jtenni li Gvern Laburista ta ukoll attenzjoni individwali lill-istudenti mingħajr ma ddaħlet ebda tip ta’ stigma.

Dan il-Gvern ta ukoll opportunità lil dawk l-istudenti li ma rnexxilhomx jgħaddu mill-eżamijiet tas-SEC mal-ewwel prova biex jattendu klassijiet ta’ reviżjoni, miżura li fost oħrajn ibbenefikaw minnha studenti li ġejjin minn familji li ma jkunux jaffordjaw li jibgħatu lit-tfal tagħhom il-Privat.

Iżda l-Prim Ministru saħaq li hu kburi ħafna bir-riżultati u l-istudenti Maltin jikkumparaw tajjeb ħafna ma’ studenti Ewropej. Iżda l-viżjoni tal-Partit Laburista, qed tara sistema edukattiva aktar inklussiva, aktar konċentrata u għalliema aktar mgħejjuna. Fil-fatt, il-Ministru għall-edukazzjoni Evarist Bartolo ta elenku dettaljat tal-proposti li qed ipoġġi quddiem il-poplu.

L-EŻAMIJIET KOLLHA TAL-MATSEC U SEC BLA ĦLAS

Qed ikun propost li jitneħħew il-ħlasijiet minn fuq l-eżamijiet kollha tal-MATSEC u s-SEC. Fl-istess ħin l-eżamijiet għandhom jibdew isiru fl-istess skola fejn l-istudenti jkunu jattendu. Dan bl-għan li l-eżamijiet ma jpoġġux piż finanzjarju fuq il-familji.

Il-Ministru Bartolo spjega li l-għan ewlieni ta’ din il-wegħda hija li l-eżamijiet għandhom ikunu parti mis-sistema edukattiva u mhux is-sistema edukattiva tkun parti mill-eżamijiet. Għalhekk, Gvern Laburista se jkun qed jaħdem biex jitnaqqas l-istress marbut mal-eżamijiet.

Bl-eżempju li l-istudenti ma jħallsux għall-eżamijiet ta’ nofs is-sena u annwali, u għalhekk anke l-MATSEC u SEC għandu jkun offrut bla ħlas għax dawn l-eżamijiet huma parti mis-sistema edukattiva. Il-Ministru spjega li din il-miżura se tkun qed tgħin ukoll lil dawk il-500 student li preżentament mhux ipoġġu għal dan l-eżami.

Il-Ministru spjega li l-post li fih isir l-eżami jaffettwa ukoll l-istudenti psikoloġikament. Għalhekk, Gvern Laburista se jkun qed jassigura li dawn l-istudenti jagħmlu l-eżamijiet fil-klassi u skola tagħhom.

TRASPORT B’XEJN GĦALL-ISTUDENTI KOLLHA

Gvern Laburista se jkun qed joffri ukoll trasport b’xejn l-iskejjel kollha kemm tal-Gvern, tal-Knisja u Privat u se tiżdied ukoll is-superviżjoni waqt il-vjaġġ.

Din il-miżura se tiswa bejn €10 miljuni u €20 miljun iżda fi kliem il-Ministru s-superviżjoni tgħin biex titnaqqas l-konġestjoni tat-traffiku fil-peak hour ta’ filgħodu u se tkun qed tgħin għall-imġieba tat-tfal.

 Dwar din il-proposta l-Prim Ministru spjega li dan ma jfissirx li x-xogħol se jingħata lill-kumpanija waħda, “tal-mini buses u garaxxijiet żgħar se jkomplu jieħdu x-xogħol li qed jieħdu llum il-ġurnata u issa se nkunu qed nistrutturaw dan is-servizz li se jitħallas mill-Gvern.”

NATIONAL HOMEWORK POLICY

Gvern Laburista jifhem li fil-preżent hemm studenti li wara l-ħin tal-iskola qed idumu madwar erbà sigħat jagħmlu l-homework. Għalhekk,  se tkun qed tiġi imfassla politika nazzjonali dwar il-home work li se tkun qed tassigura li l-istudenti jkollhom ħin għall-logħob u ħin ta’ rekreazzjoni.

PIŻ TAL-BASKTIJIET TAL-ISKOLA 

Gvern Laburista se jkun qed idaħħal standard ta’ gwida li għandu jindika x’piż massimu għandu jkollu l-basket tal-iskola tat-tfal. Riċerka li saret turi li dan m’għandux ikun aktar minn 10% tal-piż tal-istudent. Dan bl-għann li jisaħħaħ il-well being tat-tfal.

JIĠI REVEDUT IS-SILLABU – GĦAJNUNA LILL-GĦALLIEMA

Gvern Laburista jibda ukoll proċess biex il-pagi u s-salarji tal-għalliema, kapijiet u deputati kapijiet ta’ skejjel jerġgħu jiżdiedu filwaqt li ssir konsultazzjoni biex jittejjeb il-well being u jitnaqqas it-teaching load tal-edukaturi fil-gradi kollha.

Bl-għan aħħari jkun li titwettaq ġustizzja mal-għalliema u aktar żgħażagħ ikunu attirati lejn din il-professjoni. Reviżjonijiet tas-sillabi biex l-għalliema ikunu kkonċentrati fuq it-tagħlim u jaħdmu f’ambjent san u sikur għalihom u għall-istudenti.

Għalhekk, Gvern Laburista jwiegħed li s-sillabu jiġi revedut biex ikun jagħmel sens mal-ħin li għandhom għad-diżpożizzjoni tagħhom l-għalliema.

APPRENTISTAT

Wegħda oħra hija li l-istudenti apprentisti jitħallsu tal-anqas il-paga minima għall-perjodu li huma jkunu qed jagħmlu l-apprentistat u kumpaniji li joffru l-apprentistat ikunu mgħejuna billi l-ispiża relatata tkun tista titnaqqas għal fini ta’ taxxa. Il-Ministru qal li huwa importanti li wieħed isaħħaħ il-ħiliet tiegħu flimkien mal-edukazzjoni li jingħataw biex ikunu preparati għall-fuq il-post tax-xogħol. Din il-miżura se tiswa €1.3 miljun.

Għalhekk, Partit Laburista jwiegħed sistema edukattiva ta’ kwalità aktar għolja, għajnuna lill-għalliema filwaqt li se tiġi salvagwardjata mhux biss is-saħħa fiżika tal-istudenti iżda anke dik psikoloġika.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *