Muscat f’intervista wara l-mass meeting – One News

Notifiki

Muscat f’intervista wara l-mass meeting

Waqt intervista fuq ONE waqt maratona ġbir ta’ fondi, il-Prim Ministru Joseph Muscat spjega kif illum waqt il-mass meeting f’Ħaż-Żabbar hu ħassu mdawwar b’imħabba kbira. Muscat qal kif wara kummenti li qal l-Kap tal-Partit Nazzjonalista kmieni dalgħodu, in-nies fil-Kottonera kienu mweġġgħin. Spjega kif hu ġej minn naħa ta’ fuq ta’ Malta, u qal kif kullimkien issib il-problemi iżda fl-istess waqt kullimkien hawn it-tajjeb fil-pajjiż.

Joseph Muscat spjega kemm hi importanti li l-poplu jkun jaf dwar dak, li bħala partit, trid twettaq meta tkun fil-Gvern, u mhux kif qal ħaddieħor dwar kif din l-elezzjoni mhix dwar il-proposti.
Il-mara tal-Prim Ministru, Michelle Muscat, qalet kif hi tixtieq turi l-apprezzament tagħha għas-solidarjetà mingħand il-poplu fejn qalet li hi xi ħaġa sabiħa li tara li n-nies qed jgħarfu x’inhi l-verità. Spjegat kif hi flimkien mar-raġel tagħha ltaqgħu ma’ bosta persuni li għandhom stil ta’ ħajja differenti, u li l-isfidi tagħhom huma reali. Sostniet li huma dejjem mxew b’onestà u li ħadd m’hu se jkun qed ineħħilhom l-integrità.

Muscat qal li Simon qed jibbaża fuq qlajja u li jispera li malajr kemm jista’ jkun toħroġ kemm sar gideb faħxi. Fakkar dwar kif fi Franza l-kandidata Le Pen użat tattika li tigdeb fil-konfront tal-kandidat ta’ kontriha, Macron, fejn qal li bħalissa dawn l-affarijiet huma qed jesperjenzawhom. Meta l-preżentatriċi qaltlu li Macron se jkun qed jiġi elett President ta’ Franza hekk kif l-aħħar stħarriġ qed juri dan, il-Prim Minsitru ħa gost u qal “il-gideb ma rebaħx fi Franza u mhux se jirbaħ Malta.”

Rigward Malta maqgħuda u ugwali, il-Prim Minsitru qal li huma jagħmlu l-proposti sabiex isaħħu l-ugwaljanza fejn ta eżempju bħall-unjoni ċivili li ssir żwieġ. Spjega kif hu ma jrid lil ħadd jitfa’ stigma fuq ħadd u li wlied il-poplu Malti u Għawdxi huma wliedu wkoll.

Meta mistoqsi dwar il-kandidat tal-Partit Nazzjonalista, Josie Muscat, il-Prim Ministru qal li filwaqt li għandu l-ikbar rispett lejh, politikament, ma jaqbel xejn miegħu.

Michelle Muscat qalet li huma qed iħarsu ‘l quddiem biex iwettqu l-proposti sabiex dawn isiru realtà.

Meta mistoqsi dwar jekk hux se jkun qed iħabbar aktar proposti fil-ġimgħat li ġejjin, il-Prim Minsitru qal li fadal ħafna affarijiet oħra fuqiex jitkellmu, “affarijiet li jolqtu fil-laħam il-ħaj.” Muscat qal li wieħed għandu jħares lejn it-toroq tagħna, lejn il-billboards, biex verament jara dak li hu propost u mhux billborads mimlija tgħajjir u negattività.

Hu qal li se jkun qed jaħdem sal-aħħar minuta għal kull vot fejn talab lil dawk is-segwaċi li diġà huma ċerti li se jivvotaw, biex meta biex jiġu jivvotaw jagħtu l-vot lill-kandidati kollha tal-Partit Laburista u biex isibu persuna li ma tkunx għadha ċerta u jgħinuha.

Spjega kif jekk ikollhom bżonn għandhom ikellmu lill-kandidati u jekk saħansitra ma jaslux, għandhom ikellmu lilu personali. Temm billi rringrazzja lil kull min qed jagħti d-donazzjoni tiegħu. “Ejjew ħalli nibqgħu mexjin għall-aqwa żmien ta’ pajjiżna.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend