“Gvern Laburista għamel ħafna pożittiv, u hekk se jkompli jagħmel” – One News

Notifiki

“Gvern Laburista għamel ħafna pożittiv, u hekk se jkompli jagħmel”

“Ħaddieħor jibgħat il-kontijiet intom tibgħatu ċ-ċekkijiet,” dan kien il-kumment ta’ raġel li ltaqa’ miegħu l-Prim Ministru llum f’Ta Xbiex.

Kumment li fi kliem il-Prim Ministru jispjega d-differenza bejn l-Oppożizzjoni u Gvern Laburista. Hawnhekk, il-Mexxej Laburista ta elenku ta’ waħda mill-ħames wegħdiet ewlenin, dik ta’ inqas taxxi.

Joseph Muscat qal li “filwaqt li ħaddieħor qed jitkellem dwar negozji biss, b’dawn il-miżuri se nkunu qed ngħinu lil sidien ta’ negozji, self-employed u kull min joħroġ filgħodu biex jaħdem. Sa tmiem din il-leġiżlatura l-inqas ċekk li tista’ tirċievi huwa ta’ €200 filwaqt li l-iktar huwa ta’ €340.” Din il-proposta se tkun qed tagħti tax refund lil kull min jaħdem u jaqla’ sa €60,000, jiġifieri se jkunu qed jibbenefikaw minna madwar 190,000 taxpayer.

Il-Prim Ministru taħt it-tinda fir-Rabat sostna li l-wegħdiet imħabbra mill-Partit Laburista huma kollha costed u spjega li l-ewwel pass kien li jiġi diskuss internament li l-proposti tal-Partit Laburista jkunu jagħmlu sens u jistgħu jitwettqu. Il-Prim Ministru tenna li Gvern Laburista huwa ukoll kredibbli għaliex fi żmien erbà snin għamel numru ta’ kisbiet importanti.

“Meta urejt il-kalkoli lill-Ministru Edward Scicluna, poġġejtlu fuq il-mejda l-costings tal-proposti u flimkien ħriġna bi proposti fattibbli. Hemm ukoll il-kredibilità fin-nofs, in-nies jaraw pajjiżna li minn defiċit irnexxielu jasal għal surplus u jsaħħaħ l-ekonomija. Għalhekk, grazzi għal dan il-ġid, dawn il-proposti jistgħu jitwettqu u huma sostenibbli.”

Fl-indirizz tiegħu l-Mexxej Laburista Joseph Muscat qal li bħalissa kull persuna u familja tkun qed tagħmel il-kalkoli tagħha ta’ kif marret f’dawn l-aħħar erbà snin u kif tista’ tmur il-familja fil-ħames snin li ġejjin. Il-Prim Ministru qal li Gvern Laburista għamel ħafna pożittiv u jwiegħed li se jkun qed jassigura li l-ġid jasal għand kulħadd.

B’referenza għall-ħames wegħdiet elettorali li tħabbru fit-tieni jum tal-kampanja, il-Prim Ministru qal li dawn mhux se jkunu l-unika proposti li se jisimgħu dwarhom iċ-ċittadini, iżda l-ġimgħa d-dieħla se jkollhom quddiemhom ħafna aktar proposti.

Dwar il-ftehim li ġie ffirmat dalgħodu li se jkun qed jara investiment ta’ €30 miljun u 400 impjieg ġdid, l-Prim Ministru qal li kien għalhekk li sejjaħ elezzjoni issa għax ma jridx li jintilef ir-rittmu tal-ekonomija. “Tant kemm sejrin tajjeb m’għandniex nitilfu minn dan il-ġid,” sostna l-Prim Ministru.

Il-Mexxej Laburista temm jgħid li l-għażla li għandu quddiemu l-poplu hija li jew jagħżel li l-pajjiż imur ‘il quddiem jew li l-pajjiż jimxu lura u li l-għażla bejn Joseph Muscat u Simon Busuttil. Il-Prim Ministru ħeġġeġ lil dawk preżenti biex fit-3 ta’ Ġunju jivvottaw għall-aqwa żmien ta’ pajjiżna.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend