Ħarġa agrarja għall-familja kollha l-Ħadd li ġej

“Ħad-Dingli – Ħidma Agrarja u Tradizzjonijiet” Din hi l-14-il edizzjoni li se tkun qed tittella’ l-Ħadd li ġej f’Ħad-Dingli li tibda fit-8:00 ta’ filgħodu sal-17:00 ta’ wara nofsinhar. Attività li hi ffukata li tippromwovi t-tradizzjonijiet tal-Gżejjer Maltin b’mod speċjali dawk Dinglin. Din hi mera ta’ x’joffri r-raħal ta’ Ħad-Dingli fil-qasam kulturali, agrikolu, gastronomiku tradizzjonali u l-aspetti ekoloġiċi tal-madwar.

Din l-attività se sservi ta’ pjattaforma għal dak li r-raħal kapaċi joffri, b’esperjenza agrikola unika fejn il-viżitaturi jistgħu josservaw u jieħdu sehem fit-tradizzjonijiet agrikoli li, sfortunatment, qed jispiċċaw, u li posthom qiegħed jittieħed minn diversi żviluppi teknoloġiċi.

Din hija attività li ta’ kull sena tkun ta’ success. Fil-fatt, is-sena l-oħra attendew iktar minn għaxart elef ruħ, fosthom anke turisti.

Il-viżitaturi se jkollhom l-opportunità li jduqu l-inbid lokali. Il-prodott agrikolu lokali se jkun eżebit, u dawk kollha li se jattendu se jkunu jistgħu jixtruh ukoll. Se jkun hemm diversi shows u attrazzjonijiet li jinkludu anke suq artiġjanali u ikel tradizzjonali. L-ikbar attrazzjoni tibqa’ ir-replika tal-karrettun armat bil-ħaxix u frott li se jkun qed jikser rekord lokali.

Se jkun hemm ukoll żona għat-tfal, petting section, kif ukoll kompetizzjonijiet tan-nagħaġ u l-mogħoż, falkunerija, u diversi wirjiet.

Se jkun hemm eżibizzjoni tal-għodod antiki li kienu jintużaw fir-raba’ u fil-kċina flimkien mal-mejda tradizzjonali Maltija, il-viżitaturi jistgħu jesperjenzaw kif jinħalbu n-nagħaġ u l-mogħoż, u kif isir il-ġiżż. Il-ħalib imbagħad jintuża sabiex issir l-irkotta fuq il-post, kif ukoll biex isir ġelat magħmul speċifikament għall-dawk li ma jabilx magħhom il-lattożju.

Se jkunu qed jiġu organizzati żjarat gwidati madwar il-ġonna tal-Buskett kif ukoll għall-Winery fejn minbarra li se jkun qed jittella’ workshop għad-dilettanti tal-inbid, se ssir ukoll kompetizzjoni tal-inbid. Workshops oħra interessanti jinkludu kif isir l-insiġ, it-tajra tradizzjonali, il-liedna, għana u mużika tradizzjonali.

Waqt din l-attività se jkun hemm ukoll park and ride miċ-ċentru tar-raħal ta’ Ħad-Dingli għall-Buskett. Għaldaqstant il-parking m’għandux ikun problema.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend