“Il-ġurnata t-tajba u nibda” – One News

Notifiki

“Il-ġurnata t-tajba u nibda”

  • L-ESPERJENZA TA’ PERSUNI B’DIŻABILITÀ FID-DINJA TAX-XOGĦOL
  • BIDLA OĦRA KBIRA FIS-SOĊJETÀ MALTIJA

Il-Malti jgħid li x-xogħol huwa s-salmura tal-ġisem. Iżda mhux biss. Dan hekk kif jeżisti qbil unanimu li x-xogħol jagħti wkoll id-dinjità lill-persuna. Dinjità li issa bdiet tinħass ukoll mill-persuni b’diżabilità.

Għax kif qalilna ħaddiem li tkellimna miegħu, li filgħodu jsib min jgħidlu l-ġurnata t-tajba u jibda jaħdem għalih u għal familtu, għalih tfisser kollox.

Għal snin twal, il-familji ta’ persuni b’diżabilità tkarrbu mal-awtoritajiet biex it-tfal jew qraba tagħhom jingħataw imbuttatura ’l quddiem. Dan billi l-istess persuni jkunu inċentivati fil-ħajja tagħhom grazzi għax-xogħol. Fuq kollox talbu li jkun hemm liġi.

Proprju fil-baġit imressaq fl-2014, il-Gvern inforza liġi li kienet saret fis-sittinijiet u li tħalliet fuq l-ixkaffa. Liġi li permezz tagħha, il-kumpaniji li jħaddmu persuni b’diżabilità ma jħallsux il-bolol tal-istess persuni.

B’hekk, kumpaniji li jħaddmu aktar minn 50 persuna jrid ikollhom minn tal-inqas tnejn fil-mija tal-impjegati b’diżabilità.

Liġi li evidentament qed tħalli l-frott mixtieq. Jixhdu dan il-kummenti li għaddew magħna diversi persuni b’diżabilità, meta tkellimna magħhom waqt ċelebrazzjoni li saret fis-Siġġiewi b’rabta maż-żieda ta’ persuni b’diżabilità li huma f’impjieg.

Antoine Borg, li llum qed jaħdem mal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, sostna li llum il-ġurnata qed jgħix ferm aħjar: “iqabbduni kollox, nagħmel translators, u li jikkmandawni nagħmilhom. Illum il-ġurnata nħossni komdu.”

Fil-passat, il-qraba tal-persuni b’diżabilità kienu mħassba minħabba fihom, ġaladarba huma jiġu neqsin. Għaldaqstant, il-fatt li dawn il-persuni qed jaħdmu daħħal fihom sens ikbar ta’ indipendenza.

Edward Bugeja, li sab l-impjieg grazzi għall-Fondazzjoni Lino Spiteri, qal li grazzi għax-xogħol, qed igawdi iktar il-ħajja: “Immur tajjeb, u ngħaddiha l-ġurnata. Nagħmilha mal-ħbieb, nitkellem u noħroġ ftit.”

Fil-jum tal-Ħamis, il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li mill-2012 sal-2016, in-numru ta’ persuni b’diżabilità fid-dinja tax-xogħol żdied b’elf.

Filwaqt li dan huwa suċċess importanti ferm għal qasam tad-diżabilità, il-Prim Ministru saħaq li n-nies mhumiex numri. Sostna li dawn ir-riżultati huma l-ħolma li tant xtaqu kemm il-persuni b’diżabilità kif ukoll il-qraba tagħhom.

Janet Silvio, Direttur Eżekuttiv ta’ ĦILA fi ħdan CareMalta, innutat kif grazzi għal din il-miżura, ingħata ċans ikbar lill-persuni b’diżabilità.

“Hija skema importanti ħafna għal persuni b’diżabilità. Aħna bħala kumpanija dejjem konna nimpjegaw persuni b’diżabilità, però din, barra li qed tgħin kumpaniji biex jagħtu iktar ċans lil persuni b’diżabilità jitrenjaw, għax fir-realtà forsi jkollhom bżonn ftit iktar minn ħaddieħor biex jidraw fil-post tax-xogħol, qed toħloq iktar għarfien.”

Il-ħidma li saret u qed tkompli ssir biex il-persuni b’diżabilità jimxu iktar ’il quddiem fil-ħajja tagħhom qed tkun rikonoxxuta minnhom stess.

Michael Borg, li qed jaħdem ma’ Transport Malta, qal li dal-Gvern “qed imexxi ħabba l-persuni b’diżabilità u jista’ kulħadd jagħmel id-dritt tiegħu. U jiena bħala persuna b’diżabilità, naħdem

Transport Malta, nirranġa l-files u l-karti u ndaħħal fuq it-tickets. Fejn qiegħed kulħadd jgħidli l-ġurnata t-tajba, hemm wieħed idaħħakni, u kulħadd jagħmel ix-xogħol tiegħu.”

U minkejja li t-titlu ‘persuni b’diżabilità’ jaf iqajjem sens li dawn għandhom nuqqasijiet ħdejn ħaddieħor, żgur li l-miżura li permezz tagħha iktar persuni daħlu jaħdmu wriet li dawn huma nies bħall-kumplament.

Janet Silvio spjegat kif “fil-każ tagħna, l-impjegati tagħna l-oħra fetħu iktar għajnejhom u rrealizzaw li għalkemm persuna għandha diżabilità, li forsi tista’ tidher jew ma tidhirx, fir-realtà m’hemmx differenza bejnhom u bejn dawn il-persuni, anzi qed iġibu ambjent iktar ta’ team fil-postijiet tax-xogħol tagħna.”

Sfortunatament, l-istigma tibqa’. Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li din tista’ tingħeleb biss bl-edukazzjoni, li twassal għax-xogħol u għal iktar integrazzjoni. Tkellem ukoll dwar dik li tissejjaħ parzjalità inkonxja. Hawnhekk sostna li din mhix kwistjoni li nitħassru lil dawn il-persuni. Dan il-proċess irid jinqabeż għax hija kwistjoni ta’ persuni li huma ugwali.

Illum il-ġurnata hawn għajnuna iktar minn qatt qabel biex il-persuni b’diżabilità joħorġu jaħdmu. Karen Axisa, li sabet impjieg f’ħanut grazzi għall-Fondazzjoni Lino Spiteri, qalet li dan kollu “jfisser vantaġġ kbir għax kulħadd kapaċi jagħmel xi ħaġa fil-ħajja. Diżabbli u m’intix, kulħadd għandu l-kapaċità tiegħu. U min-naha tal-Fondazzjoni Lino Spiteri sibtha vera ta’ għajnuna għax jissapportjawk kontinwament, sabuli l-impjieg perfett għalija u viċin fejn noqgħod ukoll.”

L-iskop tal-Fondazzjoni Lino Spiteri huwa li jħarreġ lill-persuni b’diżabilità biex ikunu preparati għad-dinja tax-xogħol. Taħriġ li permezz tal-ħiliet tal-persuna, ikun stabbilit x’tip ta’ xogħol jagħmel sens għaliha.

U fid-dawl li bħalissa f’pajjiżna hawn sitwazzjoni fejn hemm iktar kumpaniji li qed jimpjegaw persuni b’diżabilità milli dawk li qed iħallsu multa, iċ-Chairman ta’ Jobs+ Clyde Caruana esprima sodisfazzjon għall-ħidma li saret.

“Ilkoll nafu kemm dan il-Gvern ħadem qatigħ tul dawn l-aħħar xhur u snin sabiex dak li kien hemm qabel u li kien miktub fuq liġi u qatt ma kien jiġi implimentat, issa dan qed nagħmluh realtà. U għaldaqstant illum qegħdin nghidu grazzi lil min iħaddem, illi fehmu dan kollu, tal-għajnuna wkoll li tawna u tal-opportunitajiet li pprovdew. Iżda aktar minn hekk, qegħdin ukoll nifirħu mal-familji u mal-persuni li sabu impjieg għaliex aħna issa qegħdin nagħtu dinjità lil dawn il-familji kollha.”

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend