“Nibqgħu impenjati favur il-firxa kollha tal-ħaddiema” – Joseph Muscat – One News

Notifiki

“Nibqgħu impenjati favur il-firxa kollha tal-ħaddiema” – Joseph Muscat

Se nibqgħu nimpenjaw ruħna għall-bżonnijiet tal-firxa kollha tal-ħaddiema; attenti għall-possibbiltajiet, il-limiti, il-perikli u r-responsabbiltajiet speċifiċi ta’ żmienna.

Dan waqt li ngħożżu l-istess tamiet u ideali ta’ dawk l-irġiel kuraġġużi li ftit anqas minn mitt sena ilu waqqfu l-Partit Laburista. 

Dan kliem il-Prim Ministru Joseph Muscat waqt il-preżentazzjoni lilu f’Kastilja tal-volum “L-istorja tal-Partit Laburista bejn l-1920 sal-1940”.

Dan il-volum, Pubblikazzjoni SKS u frott il-ħidma tal-istoriku Francis Galea, huwa ktieb ġdid ta’ 580 paġna b’għadd kbir ta’ dokumenti u ritratti li qatt ma ġew ippubblikati qabel. Ktieb li se jitnieda uffiċjalment fil-festi tal-Ewwel ta’ Mejju u se jinbiegħ għall-prezz ta’ ħmistax-il ewro.

Fih insibu narrattiva tal-ewwel għoxrin sena tal-Partit Laburista sal-1940, meta ż-żagħżugħ Dom Mintoff deher għall-ewwel darba fix-xena politika.

Fost it-tagħrif fil-ktieb hemm ukoll avvenimenti storiċi bħall-ġurament falz li ħa Terinu kontra Gerald Strickland lejlet l-elezzjoni tal-1927, u l-kwistjoni politiko-reliġjuża.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat innota kif tliet snin oħra il-Partit Laburista jagħlaq mitt sena minn mindu grupp ta’ rġiel ingħaqad biex ilaqqgħu l-prosperità ekonomika mal-kuxjenza soċjali.  B’hekk, sostna l-Prim Ministru, ir-rakkont tal-ewwel għoxrin sena tal-Partit Laburista huwa żieda sabiħa għall-wirt għażiż tagħna.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend