L-Ipoġew jiftaħ mill-ġdid; proġett suċċess li sar fil-ħin – One News

Notifiki

L-Ipoġew jiftaħ mill-ġdid; proġett suċċess li sar fil-ħin

Ġie inawgurat il-ftuħ mill-ġdid tal-Ipogew ta’ Ħal Saflieni f’Raħal Ġdid.

Il-Ministru Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari Ian Borg qalu li dan hu proġett ta’ miljun u mitt elf ewro li sar bil-fond tal-Iżlanda, Liechteinstein u n-Norveġja taħt il-Fondi taz-Zona Ekonomika Ewropea 2009-2014. Preżenti kien hemm ukoll il-Ministru Carmelo Abela. 

Permezz ta’ dan il-proġett saret reviżjoni totali ta’ dak li kien ġara 20 sena ilu meta l-Ipoġew – li huwa sit dinji rikonoxxut mill-UNESCO – kien fetaħ bi klimatizzazzjoni kontrollata li, wara 20 sena, kellha ssir mill-ġdid.

Bħalma kien sar 20 sena ilu, bis-sistema l-ġdida ta’ klimatizzazzjoni kontrollata li ġiet mnedija llum, l-ammont ta’ turisti li se jkunu jistgħu jżuru dan il-post xorta se jibqa’ limitat għal 10 kull siegħa, għal total ta’ 70 turist f’ġurnata.

Bid-differenza però li ġiet installata esperjenza awdjoviżiva ġdida li turist jista’ jaċċedieha għall-prezz ta’ €5 li tista’ tilqa’ 70 turist ieħor f’ġurnata.  B’hekk l-ammont ta’ turisti li dan il-kumpless jista’ jilqa’ jirdoppja.  

Din l-esperjenza awdjoviziva se toffri attrazzjoni ġdida għal dan is-sit tant kruċjali għal pajjiżna. Dan is-sit ilu magħluq mill-ewwel gimgħa ta’ Ġunju u dan il-proġett sar skont il-budget u skont il-ħin stipulat, fejn ġie mitmum f’inqas minn sena.

Dan is-sit hu attrazzjoni għan-Nofsinhar ta’ Malta (iżuruh 30,000 turist fis-sena) u huwa t-tieni proġett li sar f’din iż-żona matul din il-leġiżlatura meta twaħħlu tined protettivi viżwalment sbieh immens fuq it-tempju ta’ Ħal Tarxien.  Il-Gvern hu impenjat li jmexxi ‘l quddiem il-patrimonju ta’ pajjiżna, inkluż dak li jinsab fin-Nofsinhar ta’ Malta.

B’kollox matul din l-amministrazzjoni gew mogħtija jew se jigu mogħtija lura lill-poplu 80 sit storiku b’investiment ta’ ‘l fuq minn €85 miljun.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend