€18-il miljun investiment fil-lukanda Dolmen – One News

€18-il miljun investiment fil-lukanda Dolmen

Waqt inawgurazzjoni ta’ €18-il miljun f’investiment tal-lukanda Dolmen, il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis, akkumpanjat miċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia, faħħar lis-sidien għal dan l-investiment favur titjib fil-prodott offrut lit-turist f’din il-lukanda ta’ erba’ stilel fl-akkwati tal-Qawra, u li bi proġett infrastrutturali fl-istess żona l-Gvern se jirranġa l-madwar għal livell ogħla.

“Dan l-investiment se jiżgura li l-faċilitajiet provduti f’din il-lukanda jibqgħu jżommu l-istandards li l-viżitaturi jistennew meta jżuru lukanda ta’ erba’ stilel bħalma hi l-lukanda Dolmen”, qal il-Ministru Zammit Lewis.

 Fost ix-xogħlijiet li saru kien hemm ir-rinnovazzjoni u t-tisbiħ taċ-ċentru tal-konferenzi ‘Oracle’ b’installazzjoni ta’ apparat awdjoviżiv avantgarde u b’żieda fin-numru ta’ kmamar tal-konferenzi li issa telgħu għal 17-il kamra. “Dan żgur ipoġġi lil-lukanda Dolmen bħala faċilità ewlenija fis-segment tal-MICE fil-kategorija tal-lukandi ta’ erba’ stilel”, qal il-Ministru.

 L-uffiċju nazzjonali tal-istatistika llum ippubblika ukoll iċ-ċifri straordinarji, li kkonfermaw żieda  fin-numru ta’ turisti li żaru lil pajjiżna. Il-Ministru qal li dawn ma ġewx reġistrati b’kumbinazzjoni u għaldaqstant jikkonfermaw l-importanza u l-bżonn ta’ investimenti fil-prodott turistiku, bħall-investiment tal-lukanda Dolmen.

Is-settur privat jilgħab parti importanti fit-tisħiħ tal-prodott turistiku l-aktar fil-qasam tal-akkomodazzjoni peress li t-turist ifittex l-aqwa servizz u l-kumdità fl-għażla tal-akkomodazzjoni għal waqt iż-żjara tiegħu.

“Il-Gvern hu konxju ta’ dan u hu impenjat bis-sħiħ sabiex jiffaċilita u jgħin sabiex dawn l-investimenti iseħħu bl-inqas xkiel possibbli b’mod partikolari permezz ta’ tnaqqis fil-burokrazija u inċentivi oħra li jinkoraġġixxu lis-settur privat biex jinvesti aktar”, temm jgħid il-Ministru Zammit Lewis.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *