Grawnd ġdid għaż-Żabbarin – One News

Grawnd ġdid għaż-Żabbarin

Il-youth nursery ta’ Żabbar St Patrick se tkun tista’ tagħmel użu aħjar mill-faċilitajiet sportivi tagħha wara x-xogħol li sar fuq il-football pitch 5-a-side b’investiment ta’ €30,000.

Bil-fondi mogħtija, il-club bidel it-turf artifiċjali, twaħħlet xibka mill-għoli tal-pitch, u sar ukoll xogħol ta’ manutenzjoni mal-perimetru kollu. B’hekk it-tfal u ż-żgħażagħ li jattendu din in-nursery u li jammontaw għal mitejn u għoxrin, issa jistgħu jagħmlu użu minn dan il-ground waqt is-sessjonijiet ta’ taħriġ.

F’ċerimonja ta’ inawgurazzjoni li mmarkat il-bidu taċ-ċelebrazzjonijiet tal-football club għall-promozzjoni fl-ewwel diviżjoni tal-kampjonat, il-Ministru Helena Dalli ddeskriviet din l-għajnuna bħala investiment fit-tfal u fiż-żgħażagħ li jattendu n-nursery ta’ Żabbar St Patrick FC. Qalet li l-isport jgħin fis-saħħa fiżika u fis-saħħa mentali tal-persuna, u biex persuna tikseb ħiliet meħtieġa għall-ħajja fosthom kif wieħed jaħdem f’team.

Il-Ministru Dalli tkellmet dwar kemm hu importanti li minn ċkunithom it-tfal ikunu involuti fl-isport li jgħin biex isawwar il-karattru. Barra minn hekk l-isport jgħin biex ikollna familji aktar b’saħħithom. Qalet ukoll li l-Gvern hu kommess li jkompli jagħmel investiment meħtieġ fil-qasam sportiv fost l-oħrajn billi jipprovdi l-faċilitajiet u l-għajnuna. Hija rringrazzjat lil Fr Hilary Tagliaferro għall-impenn tiegħu fl-isport u fil-qasam soċjali u għax-xogħol tiegħu biex jara n-nurseries f’pajjiżna jitjiebu, filwaqt li ferħet lill-club għall-promozzjoni li għadu kif ħa.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend