“Ir-riżultati tan-naħa l-oħra tal-munita; tas-surplus u tal-ħolqien tax-xogħol” – JM – One News

Notifiki

“Ir-riżultati tan-naħa l-oħra tal-munita; tas-surplus u tal-ħolqien tax-xogħol” – JM

“Dawn huma r-riżultati tan-naħa l-oħra tal-munita, tas-surplus, tal-ħolqien tax-xogħol..this is prosperity with a purpose.”

Hekk iddeskriva r-riżultat tal-istatistika tal-Eurostat dwar it-tnaqqis fil-faqar f’ pajjiżna il-Prim Ministru Joseph Muscat f’ konferenza tal-aħbarijiet.

Muscat saħaq li kieku l-Partit Laburista kabbar l-ekonomija mingħajr ma ra li l-middle class tissaħħaħ u l-persuni li qegħdin fil-bżonn jogħlew, kien ikun fil-gvern għal xejn  għaliex il-ġustizzja soċjali hija l-fus ta’ kollox.

Muscat fakkar kif pajjiżna, fiċ-ċokon tiegħu sfida l-mudell tal-awsterita li kienu irrakkomandati mill-istituzzjonijiet internazzjonali għal pajjiż fl-istat li kien Malta.

“Morna b’ mudell ħafna iktar azzardat – din hija d-direzzjoni ġdida li ħa pajjiżna.”

Pajjiżna sar laboratorju ta’ kif tħaddem il-progress soċjali qal Muscat.

Li joħroġ b’ mod ċar ħafna hu li l-kontijiet tad-dawl u l-ilma kienu faqqru l-familji Maltin u Għawdxin. Il-Prim Ministru innota li deċiżjoni waħda tajba f’ pajjiż żgħir bħal tagħna biddel ir-rotta tal-faqar li f’ pajjiżna nqabdet taħt amministrazzjoni preċedenti biex ftit ftit bdew jonqsu dawk fir-riskju.

“Għalhekk jeħtieġ li min imexxi lil pajjiż ikun jifhem fl-ekonomija, ma jgħaġġilx u jħares fit-tul. Kull deċiżjoni trid tittieħed b’viżjoni” – wissa’ Muscat. 

Fil-baġit li għadda, li r-riżultati tiegħu għadu mhux rifless f’dan l-istudju, kien hemm għan ċar- dak li kull tifel jew tifla li fil-familja għandu individwu wieħed biss jaħdem joħroġ mhux biss mill-faqar, imma anka mir-riskju tal-faqar. “Nixtiequ li f’din il-kategorija tat-tfal ma jkun hemm ħadd fqir.”

“Is-suċċess ekonomiku qiegħed jinżel l-isfel” – Michael Farrugia

L-istatistika tal-faqar, maħruġa mill-Eurostat, uriet kif il-persuni fil-faqar materjali u sever naqas b’ 20,000 għal 19,000. Meta tħares lejn ir-rapporti tal-Istati Membri l-oħra, Malta kellha l-ikbar tnaqqis fil-faqar irreġistrata fl-Ewropa. “Din hi First oħra” qal b’ wiċċu minn quddiem il-Ministru għall-Familja u s-Solidarjeta Soċjali Michael Farrugia.

Il-Ministru Michael Farrugia fisser kif peress li din l-analiżi tirrifletti dak li jkunu irrispondew il-familji is-sena ta’ qabel, il-familji kienu ibbenfikaw min-nofs l-inizjattivi ta’ din il-leġislatura. Għalhekk stqarr li hemm numru ta’ miżuri li mhumiex jiġu riflessi f’ din l-istatistika u li se jtejbu l-istatistiċi li għadhom iridu jkunu ippublikati.

“M’aħniex se nkunu kuntenti fl-ebda ħin sakemm il-figuri ma jinżlux sal-minimu assolut” qal Farrugia.

Dan fost oħrajn permezz ta’ studji ikkummisjonati mill-Ministeru qed ikunu identifikati s-setturi li għadhom lura biex ikun assigurat li jkun hemm il-fondi neċessarji allokati fil-baġits.

L-inċentivi biex in-nies jidħlu fid-dinja tax-xogħol, ikomplu jitħarġu u ma jibqgħux dipendenti fuq il-benefiċċji soċjali qed iħallu effetti tanġibbli fuq in-numri qal Farrugia.

 “L-ewwel ċaqlieqa kbira irreġistrata kienet meta raħsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma, it-tieni ċaqlieqa kienet meta daħlu l-inizjattivi biex in-nies ma jibqgħux jiddependu fuq il-benefiċċji soċjali” innota Farrugia. 

L-istatistika dwar it-tnaqqis fil-faqar ta’ pajjiżna spjegata:

[pdf-embedder url=”http://www.one.com.mt/news/wp-content/uploads/2017/04/OPM-MFSS-PRESENTATION.pdf” title=”OPM MFSS PRESENTATION”]

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend